Il-Patt Ekoloġiku: Il-mod kif il-MPE jixtiequ li l-investiment tal-UE jintuża għal attivitajiet sostenibbli  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jridu tranżizzjoni lejn attivitajiet ekonomiċi sostenibbli li jsaħħu l-kompetittivita joħolqu impjiegi ta' kwalita ©EP2020  
  • L-Istati Membri kollha għandhom ikunu aktar ekoloġikament u ekonomikament kompetittivi
  • Il-prinċipju "tagħmilx ħsara sinifikanti" għandu jkun il-gwida ta' kif isiru l-investimenti
  • L-investimenti pubbliċi u privati għandhom ikunu komplementari għal xulxin biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment ekoloġiku

Il-Parlament stabbilixxa proposti dwar l-aħjar mod ta' finanzjament tat-Tranżizzjoni Ekoloġika lejn attivitajiet ekonomiċi, sostenibbli u newtrali għall-karbonju fil-votazzjoni tal-Ġimgħa.

F'riżoluzzjoni mhux vinkolanti dwar il-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (SEIP) u l-finanzjament tal-Patt Ekoloġiku, li ġiet adottata b’471 vot favur, 134 kontra, u 83 astensjoni, il-MPE enfasizzaw li wieħed mill-għanijiet tas-SEIP għandu jkun li jiżgura bidla minn attivitajiet ekonomiċi mhux sostenibbli għal dawk sostenibbli. Huma jinsistu li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha tiffoka fuq it-tnaqqis ta' differenzi eżistenti u potenzjalment aggravati bejn l-Istati Membri, tagħti spinta lill-kompetittività u tirriżulta f'impjiegi sostenibbli u ta' kwalità għolja.

Il-prinċipji ta' investiment

Il-MPE ftehmu li l-investimenti pubbliċi għandhom jirrispettaw il-prinċipju "tagħmilx ħsara sinifikanti" li japplika kemm għall-objettivi soċjali kif ukoll ambjentali. Huma biss il-programmi nazzjonali u reġjonali bl-ogħla potenzjal li jiksbu dawn l-għanijiet li għandhom jirċievu investiment pubbliku. Għal dan il-għan, huma jinsistu fuq indikaturi ta' sostenibbiltà armonizzati u metodoloġija għall-kejl tal-impatt. Il-kriterji stabbiliti mir-Regolament dwar it-Tassonomija għandhom jiġu kkunsidrati wkoll biex ikun stabbilit jekk investiment jissodisfax il-kriterji ta' tranżizzjoni ekoloġika. Barra minn hekk, il-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru għandhom ikunu allinjati mal-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs).


Il-MPE jilqgħu l-fatt li l-Pjan ta' rkupru għall-Ewropa mill-COVID-19 u l-pjanijiet nazzjonali sussegwenti ta' rkupru u ta' reżiljenza tfasslu biex ipoġġu lill-UE fit-triq lejn in-newtralità klimatika sal-2050, kif stabbilit fil-liġi tal-UE dwar il-klima, inklużi l-miri intermedji għall-2030 u l-iżgurar ta' tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari u newtrali għall-klima.


Huma jappellaw biex gradwalment jitneħħew l-investimenti pubbliċi u privati f'attivitajiet ekonomiċi li huma ta' ħsara għall-ambjent u li jniġġsu, meta jsiru disponibbli alternattivi li huma ekonomikament fattibbli. Fl-istess waqt, il-MPE jirrispettaw id-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita enerġetika tagħhom u jisħqu li t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika għandha tippreserva kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE u tiżgura li jibqgħu kompetittivi, b'mod partikolari fil-każ tal-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi.

Il-finanzjament tal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli (SEIP)


Il-MPE jistaqsu jekk is-SEIP huwiex se jippermetti li triljun Ewro jiġu mobilizzati sal-2030, fid-dawl tal-previżjoni ekonomika negattiva minħabba l-kriżi tal-COVID-19, u jridu jkunu jafu kif il-baġit fit-tul tal-Unjoni Ewropea (MFF) jista' jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tas-SEIP. Huma mħassba li jista' jkun hemm diskrepanza fl-investiment ekoloġiku fl-aħħar tal-perjodu tal-MFF li jmiss u jsejħu għal pjanijiet biex din id-diskrepanza titnaqqas permezz ta' investimenti kemm privati kif ukoll pubbliċi. Fl-istess waqt, il-MPE jsejħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-QFP il-ġdid ma jappoġġax attivitajiet li jkunu ta’ dannu għall-ambjent fit-terminu twil.


Huma jenfasizzaw li l-investimenti pubbliċi u privati għandhom ikunu komplementari għal xulxin u li s-settur privat m'għandux ikun eskluż. Il-MPE jilqgħu d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jiddedika 50% tal-operat tiegħu għall-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali mill-2025 'il quddiem. Huma jissuġġerixxu li jintuża approċċ minn isfel għal fuq u li l-BEI għandu jippromwovi djalogu bejn is-setturi pubbliċi u privati, u jikkoordina ma' partijiet ikkonċernati varji.