Libertà tal-media: Il-PE jwissi dwar tentattivi biex jissikktu kritiċi u jiġi mminat il-pluraliżmu 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-PE huwa kkonċernat dwar il-vjolenza, il-fastidju u l-pressjoni li jsofru l-ġurnalisti ©AdobeStock/Adzicnatasa  
  • Il-libertà tal-media fl-Ewropa marret lura
  • Il-MPE jiddeploraw il-fastidju u l-attakki fuq il-ġurnalisti, b'mod partikolari mill-politiċi
  • Il-Kummissjoni tal-UE trid regolarment tivvaluta l-interferenza mill-gvernijiet u t-trasparenza tal-istrutturi ta' sjieda
  • Ma jingħatawx fondi għal media kontrollata mill-gvern jew propaganda politika

Il-Parlament huwa mħasseb ħafna dwar l-istat tal-libertà tal-media fl-UE u kkundanna l-vjolenza, il-fastidju u l-pressjoni li jiffaċċaw il-ġurnalisti.

F'riżoluzzjoni adottata b'553 vot favur, 54 vot kontra u 89 astensjoni, il-Parlament jiġbed l-attenzjoni lejn "tentattivi mill-gvernijiet ta' xi Stati Membri biex isikktu lill-media kritika u indipendenti u jdgħajfu l-libertà u l-pluraliżmu tal-media". Il-MPE huma partikolarment inkwetati dwar l-istat tal-media tas-servizz pubbliku f'xi pajjiżi tal-UE, fejn saret "eżempju ta' propaganda favur il-gvern".


Huma jenfasizzaw li l-libertà, il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-media huma komponenti kruċjali tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni, u huma essenzjali għall-funzjonament demokratiku tal-UE. It-test iwissi li "Il-libertà tal-media bdiet sejra lura f'dawn l-aħħar snin", u, li t-tifqigħa tal-COVID-19 kompliet taggrava dan id-deterjorament.

Nipproteġu lill-ġurnalisti aħjar, speċjalment lin-nisa


Il-MPE qed jaraw "xejra dejjem tikber ta' intimidazzjoni li timmira li ssikket lill-ġurnalisti", filwaqt li jsemmu l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u ta' Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu bħala eżempji tar-riskji li jiffaċċaw il-ġurnalisti investigattivi. Huma jistiednu lill-personaġġi pubbliċi joqogħdu lura milli jxejnu lill-ġurnalisti, u jinsistu fuq l-obbligu legali li jitwettqu investigazzjonijiet tal-attakki kollha u enfasizzaw li l-ġurnalisti nisa huma vulnerabbli b'mod speċjali u għandhom jingħataw protezzjoni addizzjonali.

Il-konċentrazzjoni eċċessiva tal-media timmina l-pluraliżmu

Ir-riżoluzzjoni tinnota li meta s-sjieda tal-media tkun konċentrata f'idejn għadd wisq żgħir ta' nies, il-pluraliżmu jitqiegħed f'riskju u jsir aktar diffiċli li titwaqqaf il-firxa tad-diżinformazzjoni. Il-MPE jitolbu li l-pajjiżi tal-UE jieħdu azzjoni biex jevitaw konċentrazzjoni eċċessiva u jiggarantixxu t-trasparenza. Huma jikkritikaw lill-gvernijiet talli qed jindaħlu wisq fir-reklamar pubbliku, u għamlu ċar li l-flus tal-UE ma jistgħux jintefqu fuq media kontrollata mill-gvern jew fuq propaganda politika.


F'dan ir-rigward, il-Parlament jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta f’kull stat membru kemm tkun trasparenti s-sjieda tal-istrumenti tal-media, kif ukoll l-interferenza privata u tal-gvern fis-settur, fil-valutazzjoni tal-istat tad-dritt annwali tagħha. Il-MPE jinsistu li tentattivi biex issir ħsara lil-libertà tal-media u lill-pluraliżmu għandhom jitqiesu bħala abbuż ta' poter serju u sistematiku li jmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE.


Id-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni online

Il-MPE jridu qafas legali msaħħaħ biex jipprevjeni u jiġġieled id-diskors ta' mibegħda online u jappellaw għal kollaborazzjoni akbar bejn il-pjattaformi online u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Huma jenfasizzaw li l-azzjonijiet volontarji meħuda minn xi pjattaformi jħallu impatt "neċessarju, iżda madankollu insuffiċjenti" fir-rigward tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-kontenut illegali u l-indħil barrani. Madankollu huma "m'għandhomx isiru korpi ta' ċensura privata" u t-tneħħija ta' kontenut illegali trid tkun soġġetta għal salvagwardji.


Fl-aħħar nett, it-test adottat jenfasizza t-tħassib dwar indħil barrani li jfittex li jippolarizza u jxejjen il-pluraliżmu u jwissi dwar il-konsegwenzi potenzjalment dannużi tal-manipolazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-pandemija tal-COVID-19.