Il-Parlament irid jagħti d-"dritt għat-tiswija" lill-konsumaturi tal-UE  

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jridu jappoġaw kultura ta' użu mill-ġdid, ta' tiswija u jagħmlu l-konsumatur aktar konxju tal-impatt ambjentali tiegħu  
  • Ikunu inkoraġġiti għażliet sostenibbli tal-konsumaturi u tkun promossa kultura ta' użu mill-ġdid
  • Tittejjeb il-possibbiltà ta' tiswija u jittawwal iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti
  • Tintalab l-introduzzjoni ta' ċarġer komuni biex jitnaqqas l-iskart elettroniku
  • Huma meħtieġa bidliet sistematiċi: mill-produzzjoni u l-akkwist pubbliku sar-reklamar u l-immaniġġar tal-iskart

Il-Parlament irid jagħti spinta lis-sostenibbiltà billi jippromwovi l-użu mill-ġdid u t-tiswijiet u billi jindirizza l-prattiki attwali li jqassru ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti.

Ir-riżoluzzjoni dwar Suq Uniku aktar sostenibbli, mħejji minn David Cormand (Verts/ALE, FR), ġiet adottata b'395 vot favur, 94 vot kontra u 207 astensjonijiet.


Il-MPE jistiednu lill-Kummissjoni tagħti lill-konsumaturi d-"dritt għat-tiswija" billi tagħmel it-tiswijiet aktar attraenti, sistematiċi, u kosteffiċjenti, sew jekk permezz tal-estensjoni ta' garanziji, l-għoti ta' garanziji għal partijiet mibdula, jew aċċess aħjar għal informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni.


Huma jinsistu wkoll fuq żieda fl-appoġġ għas-swieq tal-oġġetti użati, isejħu għal miżuri li jindirizzaw prattiki li jqassru t-tul tal-ħajja ta' prodott, u jappoġġaw il-produzzjoni sostenibbli. Il-MPE jtennu t-talba tagħhom għal sistema ta' ċarġers komuni, biex jitnaqqas l-iskart elettroniku u jridu li l-prodotti jkollhom tikketti skont id-durabbiltà tagħhom (eż. arloġġ tal-użu u informazzjoni ċara dwar iċ-ċiklu tal-ħajja stmat ta' prodott).

Jitneħħew ostakli li jipprevjenu t-tiswija, il-bejgħ mill-ġdid, u l-użu mill-ġdid

Sabiex jinkoraġġixxu għażliet sostenibbli min-negozji u l-konsumaturi, il-MPE jinsistu fuq akkwist pubbliku aktar sostenibbli kif ukoll kummerċjalizzazzjoni u reklamar responsabbli. Pereżempju, meta fir-riklami jissemmew karatteristiċi li jirrispettaw l-ambjent, għandhom jiġu applikati kriterji komuni biex ikun ġustifikat dak li jingħad – simili għall-kisba ta' ċertifikazzjonijiet tal-ekotikketta. Ir-riżoluzzjoni sejħet ukoll għat-tisħiħ tar-rwol tal-ekotikketta tal-UE sabiex din tintuża aktar mill-industrija u biex jitqajjem għarfien fost il-konsumaturi.


Fl-aħħar nett, it-test adottat jipproponi regoli ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart u t-tneħħija ta' ostakli legali li jipprevjenu t-tiswija, il-bejgħ mill-ġdid u l-użu mill-ġdid. Dan ikun ukoll ta' benefiċċju għas-suq tal-materja prima sekondarja.



Sfond


Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru, 77% taċ-ċittadini tal-UE jippreferu jsewwu l-apparati tagħhom milli jissostitwuhom; 79% jaħsbu li l-produtturi għandhom ikunu obbligati bil-liġi li jiffaċilitaw it-tiswija ta' apparati diġitali jew is-sostituzzjoni tal-partijiet individwali tagħhom.