Il-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt japplika mingħajr aktar dewmien mill-1 ta’ Jannar, il-MPE jenfasizzaw 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Mekkaniżmu dwar l-Istat tad-Dritt ġie adottat u japplika fuq kulħadd, inkluż l-istati membri u l-Kummissjoni ©AFP_Damien MEYER  
  • Id-dikjarazzjonijiet politiċi tal-Kunsill Ewropew dwar il-Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt huma “superfluwi” peress li mhumiex legalment vinkolanti
  • Il-pakkett li jinkludi l-baġit fit-tul tal-UE, l-irkupru, u l-kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt huma ta’ “importanza storika”
  • Ir-regola tal-unanimità fil-Kunsill hija skaduta u kontroproduttiva

F'riżoluzzjoni l-MPE jisfidaw id-dikjarazzjoni tas-summit tal-UE biex jiġi sospiż il-mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt sakemm tingħata l-approvazzjoni tal-QtĠ.

Riżoluzzjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021–2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument ta’ Rkupru tal-UE u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt ġiet adottata f’votazzjoni nhar l-Erbgħa filgħaxija b’496 vot favur, 134 kontra u 65 astensjoni.


Il-Parlament jilqa’ l-ftehimiet politiċi dwar il-pakkett baġitarju fit-tul, li jinkludi l-mekkaniżmu l-ġdid tal-Istat tad-Dritt, u jfakkar l-“importanza storika” tiegħu.


Il-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt għandha tapplika bis-sħiħ mill-1 ta’ Jannar


Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 ta’ Diċembru, li jgħidu li l-Kummissjoni m’għandhiex tapplika l-mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt sakemm il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar jekk jiġix annullat l-istrument, huma “superfluwi”. Il-Ftehim bejn il-PE u l-Kunsill jiddikjara b’mod ċar li hu se japplika mill-1 ta’ Jannar, jenfasizzaw il-MPE.


Skont it-Trattati tal-UE, il-Kunsill Ewropew “m’għandux jeżerċita funzjonijiet leġislattivi”. Għalhekk, il-MPE jqisu “li kwalunkwe dikjarazzjoni politika tal-Kunsill Ewropew ma tistax titqies li tirrappreżenta interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni”. Il-Kummissjoni hija “kompletament indipendenti” u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew “ma jistgħux isiru vinkolanti fuq il-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ atti legali”, jżidu l-MPE.


Dewmien bla bżonn għall-pakkett ta’ finanzjament tal-UE minħabba r-regola tal-unanimità


Il-Parlament jiddispjaċih ħafna li r-rekwiżit li jkun hemm unanimità fil-Kunsill ittardja bla bżonn l-adozzjoni tal-QFP u d-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji. Il-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa għandha taħdem biex jingħelbu dawn l-ostakli.