II-Parlament japprova l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta' EUR 672.5 biljun  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-RRF ser jgħin fil-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tal-UE u biex jagħmilhom aktar ekoloġiċi u nodfa  
  • L-akbar element importanti tal-pakkett ta' stimolu Next Generation EU
  • EUR 672.5 biljun f'għotjiet u self biex jittaffew l-effetti tal-pandemija
  • Il-fondi se jgħinu oqsma ewlenin ta' politika bħat-tranżizzjoni ekoloġika, it‑trasformazzjoni diġitali, it-tħejjija għall-kriżijiet kif ukoll it-tfal u ż-żgħażagħ
  • Ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali tal-UE huma prerekwiżit għall-finanzjament

Il-Parlament approva l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, maħsuba biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jindirizzaw l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19.

Ir-regolament dwar l-objettivi, il-finanzjament u r-regoli għall-aċċess għall-Faċilità għall‑Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) ġie adottat bi 582 vot favur, 40 kontra u 69 astensjoni. Il-RRF hija l-akbar element importanti tal-pakkett ta' rkupru Next Generation EU ta' EUR 750 biljun.

Tnaqqis tal-effetti tal-pandemija

EUR 672.5 biljun f'għotjiet u self se jkunu disponibbli għall-finanzjament ta' miżuri nazzjonali maħsuba biex itaffu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija. Proġetti relatati li bdew fl-1 ta' Frar 2020 jew wara jistgħu jiġu finanzjati wkoll mill-RRF. Il-finanzjament se jkun disponibbli għal tliet snin u l-gvernijiet tal-UE jistgħu jitolbu sa 13% ta' prefinanzjament għall-pjanijiet tagħhom ta' rkupru u reżiljenza.

Eliġibbiltà għall-finanzjament

Biex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, il-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru u reżiljenza għandhom jiffukaw fuq oqsma ta' politika ewlenin tal-UE - it-tranżizzjoni ekoloġika, li tinkludi l-bijodiversità, it-trasformazzjoni diġitali, il-koeżjoni ekonomika u l-kompetittività, u l-koeżjoni soċjali u territorjali. Huma wkoll eliġibbli għall-finanzjament dawk li jiffukaw fuq kif l-istituzzjonijiet jirreaġixxu għall-kriżijiet u li jappoġawhom fit-tħejjija għalihom, kif ukoll il-politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, inklużi l-edukazzjoni u l-ħiliet.

Kull pjan għandu jiddedika mill-inqas 37% tal-baġit tiegħu għall-klima u mill-inqas 20% għal azzjonijiet diġitali. Għandu jkollhom impatt dejjiemi f'termini soċjali u ekonomiċi, jinkludu riformi komprensivi u pakkett ta' investiment sod, u m'għandhomx jagħmlu ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali.

Ir-regolament jistipula wkoll li huma biss l-Istati Membri impenjati biex jirrispettaw l-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jirċievu flus mill-RRF.

Djalogu u trasparenza

Sabiex jiġi diskuss kif qed isir l-irkupru fl-UE u kif ġew implimentati l-miri u l-istadji importanti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, li hija responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-RRF, tista' tintalab tidher kull xahrejn quddiem il-kumitati rilevanti tal-Parlament. Il-Kummissjoni se tagħmel ukoll disponibbli għall-Istati Membri sistema integrata ta' informazzjoni u monitoraġġ li tipprovdi informazzjoni paragunabbli dwar kif qed jintużaw il-fondi.

Il-passi li jmiss

Ladarba l-Kunsill ikun adotta formalment ir-regolament, dan jid]ol fis-seħħ jum wara l-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.