Il-Parlament japprova l-programm il-ġdid EU4Health 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

EU4Health ser joħloq riżerva ta' provvisti mediċi, bħal mediċini essenzjali, vaċċini u tagħmir mediku ©AFP/ChristopheSIMON  
  • Il-baġit tal-programm huwa ta' EUR 5.1 biljun, u mill-inqas 20% minnu huma dedikati għall-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa
  • L-UE se tkun preparata aħjar biex tindirizza theddid transfruntier serju għas-saħħa
  • Mediċini bi prezz raġonevoli u apparati mediċi se jkunu aktar disponibbli

Il-MPE adottaw il-programm EU4Health għall-2021 sal-2027, li għandu l-għan li jipprepara lis-sistemi tas-saħħa tal-UE b'mod aktar rigoruż għal theddid għas-saħħa u pandemiji futuri.

Il-Parlament approva l-ftehim proviżorju li laħaq mal-Kunsill b'631 vot favur, 32 kontra u 34 astensjoni.


Il-programm il-ġdid EU4Health se jikkontribwixxi f'oqsma li fihom huwa ċar li l-UE tista' żżid il-valur, u b'hekk il-programm jikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri. L-objettivi prinċipali jinkludu t-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa minn pajjiżi li jagħtu l-appoġġ tagħhom biex jikkoordinaw ma' xulxin u jikkondividu d-data, kif ukoll jagħmlu aktar disponibbli, aċċessibbli u affordabbli l-mediċini u l-apparati mediċi.

Indirizzar aktar effiċjenti ta' theddid transfruntier għas-saħħa


Peress li l-għan huwa li s-sistemi tas-saħħa jsiru aktar reżiljenti, il-programm EU4Health se jippreparahom aħjar għal theddid transfruntier serju għas-saħħa. Dan għandu jippermetti lill-UE tiffaċċja, mhux biss epidemiji futuri, iżda wkoll sfidi fit-tul bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-inugwaljanzi fis-saħħa.


Il-programm se jappoġġa wkoll azzjonijiet marbuta mas-saħħa elettronika u l-ħolqien tal-"ispazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa". Se jiġu appoġġati wkoll il-promozzjoni tal-aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità, inkluż l-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, it-titjib tas-saħħa mentali u l-aċċelerazzjoni tal-ġlieda kontra l-kanċer.


Waqt id-dibattitu fil-plenarja nhar it-Tlieta, l-MPE enfasizzaw ir-rwol ewlieni li l-programm il-ġdid ser ikollu fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn gruppi soċjali differenti. Huma laqgħu wkoll l-istabbiliment fil-livell tal-UE ta’ ħażna ta’ provvisti u tagħmir mediċi essenzjali, li tikkomplementa l-ħidma li qed issir taħt rescEU, u riżerva ta’ persunal mediku u ta’ appoġġ li għandha tiġi mobilizzata f’każ ta’ kriżi tas-saħħa. Ara r-reġistrazzjoni tad-dibattitu hawnhekk. Ara r-reġistrazzjoni tad-dibattitu hawn.


Il-passi li jmiss


Ladarba l-Kunsill ukoll ikun approva formalment dan ir-Regolament, huwa jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament japplika retroattivament mill-1 ta' Jannar 2021.

L-isfond


F'Mejju 2020, il-Kummissjoni ressqet Programm EU4Health awtonomu ġdid għall-2021-2027 bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19. Il-programm EU4Health għandu l-għan li jgħin lill-UE tkun preparata aħjar għal theddid transfruntier serju għas-saħħa u li jagħmel lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali aktar reżiljenti. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim ta' kompromess fl-14 ta' Diċembru 2020.