Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: tnedija tal-pjattaforma diġitali multilingwi 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-futur f'idejk  

Il-hub ċentrali tal-Konferenza, li tnieda llum mill-Presidenti tal-Bord Eżekuttiv, ser jippermetti liċ-ċittadini ifasslu l-futur tal-UE.

Il-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, fosthom ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea, qiegħed iniedi l-pjattaforma diġitali multilingwi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u jistieden liċ-ċittadini kollha tal-UE jikkontribwixxu fit-tiswir tal-futur tagħhom u dak tal-Ewropa kollha kemm hi. Il-pjattaforma hija disponibbli f'24 lingwa u tippermetti liċ-ċittadini minn madwar l-Unjoni jaqsmu u jiskambjaw l-ideat u l-fehmiet tagħhom permezz ta' avvenimenti online.


Il-Presidenza Konġunta tal-Konferenza wriet is-sodisfazzjon tagħha għat-tnedija tal-pjattaforma.


Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, qal: “Il-pjattaforma tirrappreżenta għodda ewlenija biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu sehem u jgħidu tagħhom dwar il-Futur tal-Ewropa. Irridu niżguraw li leħinhom jinstema' u li jkollhom rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet, irrispettivament mill-pandemija tal-COVID-19. Id-demokrazija Ewropea, tat-tip rappreżentattiv u parteċipattiv, se tkompli taħdem jiġri x'jiġri, għaliex il-futur kondiviż tagħna jitlob dan.”


Il-Prim Ministru tal-Portugall António Costa, f'isem il-Presidenza tal-Kunsill, qal: “Wasal iż-żmien biex iċ-ċittadini tagħna jikkondividu l-akbar tħassib u l-ideat tagħhom b'mod attiv. Id-diskussjoni ma setgħetx issir fi żmien aħjar. Issa rridu nitħejjew biex noħorġu mill-kriżi akbar b'saħħitna minn qabel u ladarba negħlbu l-pandemija nkunu lesti għall-futur. Nittamaw li flimkien inkomplu nibnu l-Ewropa tal-futur, Ewropa aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar diġitali li tirrispondi għall-aspettattivi taċċittadini tagħna.”


Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, stqarret: “Is-saħħa, it-tibdil fil-klima u impjiegi tajbin u sostenibbli f'ekonomija dejjem aktar diġitali, l-istat tas-soċjetajiet demokratiċi tagħna: “Qegħdin nistiednu lill-Ewropej jgħidu tagħhom, biex jindirizzaw it-tħassib tagħhom u jgħidulna x'Ewropa jridu. B'din il-pjattaforma taċ-ċittadini, qed nagħtu l-opportunità lil kulħadd jikkontribwixxi għat-tiswir tal-futur tal-Ewropa u jinvolvi ruħu ma' nies oħra minn madwar l-Ewropa. Din hija opportunità kbira biex l-Ewropej jiltaqgħu virtwalment. Ingħaqad fid-dibattitu! Flimkien nistgħu nibnu l-futur li rridu għall-Unjoni tagħna.”


Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija dibattitu bla preċedent u forma ta' demokrazija deliberattiva miftuħa u inklużiva. Hija tipprova tagħti leħen aktar qawwi lil persuni minn oqsma differenti tal-ħajja madwar l-Ewropa dwar x'jistennew mill-Unjoni Ewropea, li mbagħad irid jgħin fliggwidar tad-direzzjoni u tat-tfassil tal-politiki futuri tal-UE. Il-Presidenza Konġunta impenjat ruħha li ssegwi l-eżitu tal-Konferenza.


Sfond


Il-pjattaforma diġitali multilingwi hija totalment interattiva u multilingwi: il-persuni jistgħu jinvolvu ruħhom ma' xulxin u jiddiskutu l-proposti tagħhom maċ-ċittadini sħabhom mill-Istati Membri kollha, bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Għadd ta' nies kbir kemm jista' jkun u minn oqsma differenti tal-ħajja huma mħeġġa jikkontribwixxu permezz tal-pjattaforma biex isawru l-futur tagħhom, iżda wkoll biex jippromwovuha fuq il-mezzi tal-media soċjali, bil-hashtag #IlFuturTiegħek


Il-pjattaforma se tiżgura trasparenza sħiħa – li huwa prinċipju ewlieni tal-Konferenza – hekk kif issottomissjonijiet u l-eżiti tal-avveniment jinġabru, jiġu analizzati, segwiti u jitpoġġew għaddispożizzjoni tal-pubbliku. L-ideat u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin li joħorġu mill-pjattaforma se jintużaw bħala l-input għall-panels taċ-ċittadini Ewropej u għall-Plenarji, fejn se jsir dibattitu dwarhom li jwassal għall-konklużjonijiet tal-Konferenza.


L-avvenimenti kollha relatati mal-Konferenza li se jiġu rreġistrati fuq il-pjattaforma jiġu viżwalizzati fuq mappa interattiva u b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbrawżjaw u jirreġistraw online. Lorganizzaturi jistgħu jużaw l-għodda disponibbli fil-pjattaforma biex jgħinu fl-organizzazzjoni u lpromozzjoni tal-inizjattivi. Il-parteċipanti u l-avvenimenti kollha jridu jirrispettaw il-Karta tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li tistabbilixxi standards għal dibattitu pan-Ewropew b'rispett.


Il-pjattaforma hija organizzata madwar suġġetti ewlenin: it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa; ekonomija aktar b'saħħitha u aktar ġusta; il-ġustizzja soċjali u l-impjiegi; l-UE fid-dinja; il-valuri u d-drittijiet, l-istat tad-dritt, is-sigurtà; it-trasformazzjoni diġitali; id-demokrazija Ewropea; ilmigrazzjoni; u l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport. Dawn is-suġġetti huma kkomplementati b'“kaxxa miftuħa” għal suġġetti orizzontali u suġġetti oħra (“suġġetti oħra”), hekk kif iċ-ċittadini jkunu jistgħu jqajmu kwalunkwe kwistjoni għal qalbhom b'approċċ ġenwin minn isfel għal fuq.


Il-pjattaforma tipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-istruttura u l-ħidma tal-Konferenza. Hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-UE, kif ukoll għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, għall-Parlamenti nazzjonali, għall-awtoritajiet nazzjonali u lokali u għas-soċjetà ċivili. Se tirrispetta bis-sħiħ ilprivatezza tal-utenti u r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.