Il-MPE jadottaw il-programm ta' riċerka bla preċedent Orizzont Ewropa 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-programm, li jkopri l-perijodu 2021-2027, ser jgħin l-SMEs innovattivi ©AdobeStock/Boggy  
  • Baġit ġenerali ta' EUR 95.5 biljun, inkluż EUR 5.4 biljun mill-pjan ta' rkupru tal-UE: Next GenerationEU
  • Enfasi qawwija fuq is-saħħa, id-diġitalizzazzjoni, u l-appoġġ għal SMEs innovattivi
  • Programm applikat b'mod proviżorju sa mill-1 ta' Jannar 2021

Il-programm se jgħin lis-sistemi tas-saħħa tal-UE jippreparaw għal pandemiji futuri, u biex l-industrija tagħha ma tibqax tiddependi fuq il-karbonju, tkun innovattiva u ssir diġitali.

Il-programm ta' riċerka u ta’ innovazzjoni 2021-2027 jiżgura finanzjament fuq perjodu qasir u fit-tul għar-riċerka u l-innovazzjoni li tirrelata mal-isfidi globali inkluża l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni, u l-pandemija tal-COVID-19.


Orizzont Ewropa jinkludi l-ogħla allokazzjoni tal-baġit tal-UE li qatt saret għar-riċerka relatata mas-settur diġitali u għad-diġitalizzazzjoni. Huwa se jipprovdi wkoll appoġġ għal SMEs innovattivi, infrastruttura Ewropea ta' riċerka, u EUR 1 biljun addizzjonali miksub mill-PE għar-riċerka bażika, li d-distribuzzjoni tieħu ser ikun f’idejn il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.


Il-programm kien diġà ġie stabbilit b'mod proviżorju mill-Kummissjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2021. Il-MPE taw l-approvazzjoni finali tagħhom għall-ftehim mal-Kunsill dwar ir-Regolament Orizzont Ewropa u żiedu dikjarazzjoni politika nhar it-Tlieta b'677 vot favur, 5 voti kontra u 17-il astensjoni. Huma adottaw il-ftehim mal-Kunsill dwar il-programm speċifiku Orizzont Ewropa b'661 vot favur, 5 voti kontra u 33 astensjoni.


Sfond

Orizzont Ewropa se jkollu baġit ġenerali ta' EUR 95.5 biljun, inkluż EUR 5.4 biljun mill-pjan ta' rkupru tal-UE: Next GenerationEU, u investiment addizzjonali ta' EUR 4 biljun mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-UE.


Orizzont Ewropa jinkludi tliet pilastri:


  • Il-pilastru tax-Xjenza Eċċellenti se jappoġġa proġetti innovattivi tal-għarfien, iddefiniti u mmexxija mir-riċerkaturi nfushom permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC). Dan jiffinanzja fellowships u skambji għar-riċerkaturi permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, u se jinvesti f'infrastruttura ta' riċerka.

  • Il-pilastru tal-Isfidi Globali u tal-Kompetittività Industrijali se jappoġġa direttament ir-riċerka relatata mal-isfidi tas-soċjetà, mal-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali, u se jiddetermina l-enfasi ta' missjonijiet ta' riċerka madwar l-UE kollha. Dan jinkludi wkoll Sħubiji Ewropej publiku-publiku u publiku-privat kif ukoll attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), li jappoġġaw dawk li jfasslu l-politika tal-UE u nazzjonali b'evidenza xjentifika indipendenti u appoġġ tekniku.

  • Il-pilastru tal-Ewropa Innovattiva għandu l-għan li l-Ewropa tkun minn ta' quddiem nett fl-innovazzjoni tal-ħolqien tas-suq permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Dan għandu wkoll l-għan li jrawwem l-integrazzjoni tan-negozju, ir-riċerka, l-edukazzjoni għolja u l-intraprenditorija, billi jsaħħaħ aktar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).