Il-Parlament Ewropew japprova programm Erasmus+ ġdid, aktar inklużiv 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-programm il-ġdid Erasmus+ jinkludi fondi speċjali biex ikopri l-ispejjeż relatati mal-inklużjoni ©Auremar/AdobeStock  
  • Finanzjament kważi rdoppja meta mqabbel mal-edizzjoni preċedenti
  • Erasmus+ issa miftuħ għal studenti adulti
  • Programm li se jkun aktar inklużiv, ekoloġiku u faċli għall-utenti

It-Tlieta, il-MPE adottaw il-programm ERASMUS+ 2021-2027 - il-Programm ewlieni tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.

Il-programm li wera li għandu rwol sinifikanti fit-trawwim tal-identità Ewropea, se jkollu finanzjament kważi d-doppju għall-2021-2027 (aktar minn EUR 28 biljun minn sorsi differenti) meta mqabbel mas-seba' snin preċedenti (EUR 14.7 biljun).


Il-MPE irnexxielhom jiżguraw EUR 2,2 biljun addizzjonali fl-aħħar stadji ta' negozjati mal-Kunsill.


Fid-dibattitu fil-plenarja qabel l-approvazzjoni tal-programm, il-maġġoranza tal-kelliema qalu li l-ħajja taż-żgħażagħ ġiet affettwata ħażin mill-COVID-19 u saħqu fuq l-importanza tal-programm Erasmus+, ikkunsidrat miċ-ċittadini bħala l-aktar programm tal-UE li kien ta’ benefiċċju għall-ġenerazzjonijiet futuri Ewropej, Tista’ ssegwi d-dibattitu hawnhekk.


Inklużjoni akbar

L-Erasmus+ il-ġdid se joffri aktar għodod u riżorsi biex jappoġġa l-inklużjoni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu joħorġu bi pjanijiet ta' azzjoni biex itejbu l-aċċess għat-tagħlim u l-mobilità għall-persuni li storikament kellhom inqas opportunitajiet biex jipparteċipaw – persuni b'diżabilità, persuni li jgħixu fil-faqar, f'post imbiegħed, persuni bi sfond ta' migrazzjoni, u aktar.


Dawk li m'għandhomx biżżejjed mezzi biex ikopru l-ispejjeż inizjali biex jieħdu sehem fil-programm (bħax-xiri ta' biljett tal-ferrovija jew għall-prenotazzjoni ta' akkomodazzjoni) jistgħu jirċievu għotjiet addizzjonali, inklużi ħlasijiet bil-quddiem. Applikazzjonijiet ma jistgħux jiġu rrifjutati għax ikunu jinvolvu spejjeż ogħla jekk ikunu konnessi ma' miżuri li jiżguraw l-inklużjoni.


Mobilità għal studenti adulti

Imqabbel mal-Erasmus+ preċedenti, il-programm il-ġdid se jiġi estiż biex jgħin studenti f'edukazzjoni għall-adulti ħalli jistudjaw sa sitt xhur f'pajjiż differenti tal-UE. Huwa se jgħin lil nies ta' kull età u minn kull ambjent jiksbu ħiliet ġodda tax-xogħol u l-ħajja, u jgħinhom jadattaw aħjar għall-bidliet miġjuba mit-tranżizzjonijiet futuri, ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll mill-pandemija tal-COVID-19.



Aċċess simplifikat għal Erasmus+ "aktar ekoloġiku"


L-Erasmus+ il-ġdid se jkun aktar sempliċi u aktar faċli għall-applikanti, b'sistemi tal-IT aktar faċli għall-utenti u b'inqas burokrazija. Se joffri skema ta' finanzjament speċjali ta' "sħubijiet fuq skala żgħira "lill-organizzazzjonijiet ta' daqs żgħir, bħall-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-klabbs tal-isport.


Il-programm se jqis ukoll il-kontribut tiegħu għall-kisba tal-miri ta' nefqa tal-UE fuq il-klima u jnaqqas l-impronta ambjentali tiegħu, pereżempju billi jinċentiva mezzi ta' trasport għall-parteċipanti li ma jagħmlux ħsara lill-klima.


Mudelli innovattivi ta' edukazzjoni

L-inizjattiva DiscoverEU issa se tkun parti mill-Erasmus+. Din tagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li japplikaw għal pass tal-ivvjaġġar bla ħlas li hu validu madwar l-Ewropa sabiex jitgħallmu (eż. biex jattendu kors intensiv tal-lingwa jew jipparteċipaw f'sessjoni ta' ħidma f'xi mużew) u jiskopru d-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa.

L-inizjattiva tal-"Universitajiet Ewropej" se tippermetti lill-istudenti jiksbu lawrja billi jikkombinaw studji f'bosta pajjiżi tal-UE. It-tielet inizjattiva - "Ċentri ta' Eċċellenza Vokazzjonali" se toħloq ekosistemi lokali ta' ħiliet konnessi internazzjonalment. Ikklikkja biex tiskopri aktar

Kwotazzjoni


"Erasmus+ huwa wieħed mill-programmi tal-UE b'finanzjament ferm ogħla u jinkludi ħafna tibdil u titjib sostanzjali, u għalhekk jista' jkompli jsaħħaħ sens Ewropew ta' appartenenza u joffri possibbiltajiet aħjar ta' impjiegi għall-Ewropej", tenna r-rapporteur Milan Zver (PPE, SL). "Il-Parlament se jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tiegħu sabiex jiżgura li l-Erasmus+ qed isir aktar inklużiv u jipprovdi opportunitajiet lill-akbar ammont ta' nies possibbli", żied jgħid.



Sabine Verheyen (PPE, DE), President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, qalet: "Erasmus+ huwa storja ta' suċċess Ewropew u permezz tal-isforzi tagħna, se nkunu nistgħu nkompluh. Huwa jgħaqqad nies minn kull sfond u jgħin fil-ħolqien ta' komunità verament Ewropea. Minħabba l-pandemija, iż-żgħażagħ u dawk kollha li huma ħerqana li jitgħallmu, jistudjaw u jiltaqgħu ma' nies ġodda qed jaffaċċaw sfidi enormi – huwa saħansitra aktar diffiċli għal persuni minn sfondi emarġinati. Issa aktar minn qatt qabel, huwa importanti li l-Ewropa tikkomunika u tiltaqa' magħhom fejn jinsabu billi tipprovdilhom għodod biex jikbru, jistinkaw, u jikkomunikaw bejniethom. Ħadd ma għandu jitħalla lura. Dak huwa preċiżament li qed nippruvaw nagħmlu bil-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Erasmus+."


Il-passi li jmiss

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-perjodu tal-programm preċedenti, id-dispożizzjonijiet retroattivi fir-regolament jiżguraw li l-Erasmus+ il-ġdid jidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2021. Proċessi tal-applikazzjoni u sejħiet għal proposti diġà nbdew mill-Kummissjoni u f'ħafna Stati Membri.