€17.5 biljun biex ħadd ma jibqa’ lura fuq it-triq lejn ekonomija ekoloġika 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Fond ser jgħin il-pajjiżi UE jindirizzaw l-impatt tat-tranżizzjoni lejn in-newtralita tal-karbonju. ©Bilanol/AdobeStock  

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jgħin lill-pajjiżi tal-UE jindirizzaw l-impatt soċjali u ekoloġiku tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

  • Enfasi partikolari fuq ir-reġjuni l-inqas żviluppati, ir-reġjuni ultraperiferiċi, u l-gżejjer
  • Impenn għan-newtralità klimatika sal-2050 bħala kundizzjoni għall-appoġġ finanzjarju
  • Investimenti relatati mal-inċinerazzjoni tal-iskart u mal-fjuwils fossili huma esklużi mill-għotjiet
  • "Mekkaniżmu ta' Premjar Ekoloġiku" għall-aktar Stati Membri li jieħdu azzjoni malajr

Il-pakkett jinkludi €7.5 biljun mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u €10 biljun mill-Istrument tal-UE għall-Irkupru. Biex ikunu eliġibbli, il-proġetti jridu jiffukaw fuq id-diversifikazzjoni ekonomika, ir-rikonverżjoni jew il-ħolqien tal-impjiegi, jew iridu jikkontribwixxu għal tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea sostenibbli, newtrali għall-klima u ċirkolari.


Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) se jiffinanzja għajnuna fit-tiftix tal-impjiegi, fit-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, kif ukoll l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema u tal-persuni li qed ifittxu impjieg hekk kif l-ekonomija tal-Ewropa xxaqleb lejn in-newtralità klimatika. Se jgħin ukoll il-mikrointrapriżi, l-inkubaturi tan-negozju, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' riċerka pubblika, kif ukoll investimenti f'teknoloġiji ġodda għall-enerġija, fl-effiċjenza enerġetika u l-mobilità lokali sostenibbli.


L-inċinerazzjoni tal-iskart mhux se tirċievi għajnuna permezz tal-JTF. Lanqas mhuma se jirċievu għajnuna d-dekummissjonar u l-bini ta' impjanti tal-enerġija nukleari, attivitajiet marbuta mal-prodotti tat-tabakk u investimenti relatati mal-fjuwils fossili.


Fil-pjanijiet tagħhom għal tranżizzjoni ġusta, l-Istati Membri jridu jidentifikaw it-territorji tagħhom li ġew milquta l-aktar mit-tranżizzjoni tal-enerġija u jridu jikkonċentraw fuqhom ir-riżorsi tal-JTF li jirċievu. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-karatteristiċi partikolari tal-gżejjer, taż-żoni insulari u tar-reġjuni ultraperiferiċi.


Fuq inizjattiva tal-Parlament, se jiġi introdott fil-JTF "Mekkaniżmu ta' Premjar Ekoloġiku" jekk ir-riżorsi tal-fond jiżdiedu wara l-31 ta' Diċembru 2024. Dawn ir-riżorsi addizzjonali se jitqassmu fost l-Istati Membri, u dawk li jirnexxielhom inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra industrijali jirċievu aktar fondi.

Aspetti ewlenin oħra tar-regolament

  • L-aċċess għall-JTF għall-Istati Membri se jkun jiddependi fuq jekk jadottawx l-impenji fuq livell nazzjonali biex jilħqu n-newtralità klimatika sal-2050. Qabel l-adozzjoni ta' din il-mira, l-Istati Membri se jkunu intitolati għal 50% biss tal-allokazzjoni nazzjonali tagħhom;
  • Negozji f'diffikultà finanzjarja jistgħu jirċievu għajnuna skont ir-regoli temporanji tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat li ġew stabbiliti biex jindirizzaw ċirkostanzi eċċezzjonali;
  • Jistgħu jiġu trasferiti riżorsi minn fondi oħra ta' koeżjoni fuq bażi volontarja;
  • Il-proporzjon ta' investimenti mogħtija mill-finanzjament tal-UE (kofinanzjament) huwa stabbilit fuq massimu ta' 85% għar-reġjuni l-inqas żviluppati, 70% għal reġjuni fi tranżizzjoni u 50% għal reġjuni aktar żviluppati.

Il-proposta ġiet adottata nhar it-Tlieta b'615 vot favur, 35 kontra u 46 astensjoni.


L-isfond


Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) huwa l-ewwel pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, għodda ewlenija biex jiġu megħjuna reġjuni, industriji u ħaddiema li huma mistennija jiffaċċjaw l-akbar sfidi li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-leġiżlaturi laħqu ftehim politiku proviżorju fuq il-JTF fid-9 ta' Diċembru 2020. Ladarba l-Kunsill ikun adotta dan il-patt b'mod formali, ir-regolament se jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.