L-Istat tad-Dritt: Il-Parlament iħejji biex iħarrek lill-Kummissjoni għal nuqqas ta’ azzjoni  

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jagħtu struzzjonijiet lill-President tal-PE Sassoli biex jistieden lill-Kummissjoni biex “tissodisfa l-obbligi tagħha” skont ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt

• Riskju dejjem jikber li l-istati membri jużaw ħażin il-fondi tal-UE
• Il-MPE jħeġġu lill-Kummissjoni taġixxi malajr fl-applikazzjoni tar-regolament dwar il-kondizzjonalità
• Il-Parlament għandu jibda immedjatament it-tħejjijiet meħtieġa għal proċedimenti potenzjali tal-qorti.

F’riżoluzzjoni adottata l-Ħamis b’506 vot favur, 150 kontra u 28 astensjoni, il-MPE jinnutaw li l-istrument il-ġdid ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021 u japplika wkoll għall-fondi ta’ rkupru. Minkejja dan, il-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda miżura skont ir-regoli l-ġodda u ma rrispettatx l-iskadenza tal-1 ta’ Ġunju mogħtija mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu biex jiġu ffinalizzati l-linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. Dan “jikkostitwixxi bażi suffiċjenti biex jittieħdu azzjonijiet legali skont l-Artikolu 265 tat-TFUE kontra l-Kummissjoni”, jgħidu l-MPE.


Ir-riskju li l-baġit tal-UE jintuża ħażin fil-pajjiżi tal-UE kiber u l-istat tad-dritt qed jiddeterjora, l-MPE jenfasizzaw. Għalhekk jagħtu struzzjonijiet lill-President Sassoli biex jistieden lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn ġimagħtejn, biex “tissodisfa l-obbligi tagħha” skont ir-regolament il-ġdid. Biex ikun lest, “il-Parlament għandu sadanittant jibda immedjatament it-tħejjijiet meħtieġa għal proċedimenti potenzjali tal-qorti skont l-Artikolu 265 tat-TFUE kontra l-Kummissjoni”.


Il-MPE jħeġġu lill-Kummissjoni biex tindirizza malajr il-ksur serju tal-prinċipju tal-istat tad-dritt f’xi Stati Membri li qed jipperikolaw serjament id-distribuzzjoni ġusta, legali u imparzjali tal-fondi tal-UE. Hija għandha tuża l-għodod kollha meħtieġa, inkluża l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tat-Trattat tal-UE, il-qafas tal-istat tad-dritt tal-UE u l-proċeduri ta’ ksur, biex tindirizza l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fl-UE, inklużi l-attakki fuq il-libertà tal-midja, il-ġurnalisti, kif ukoll il-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda.


Sfond

Ir-Regolament dwar il-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt, imfassal biex jipproteġi l-fondi tal-UE kontra l-użu ħażin possibbli tagħhom mill-gvernijiet tal-UE, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, s’issa ma ġew proposti ebda miżuri f’konformita ma’ dawn ir-regoli. Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tipposponi l-applikazzjoni tagħhom sabiex l-istati membri jkunu jistgħu jikkontestawha fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (il-Polonja u l-Ungerija għamlu dan fl-11 ta’ Marzu 2021), u sakemm il-Kummissjoni kienet żviluppat linji gwida speċifiċi għall-applikazzjoni.


F’ riżoluzzjoni adottata f’Marzu 2021, il-Parlament tenna li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar din il-kwistjoni m’għandhom ebda effett legali, u li l-applikazzjoni tar-regolament il-ġdid ma tista’ tkun soġġetta għall-ebda linja gwida. Jekk il-Kummissjoni tqis li dawn il-linji gwida huma meħtieġa, dawn għandhom jiġu adottati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju. Il-MPE talbu wkoll lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lill-Parlament qabel l-adozzjoni tagħhom. F’laqgħa tal-kumitat fis-26 ta’ Mejju, il-Kummissjoni indikat li biħsiebha tikkonsulta lill-Parlament fl-ewwel nofs ta’ Ġunju.