Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: Il-plenarja tiltaqa' għall-ewwel darba 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Is-Sibt 19 ta' Ġunju fi Strasburgu saret il-laqgħa plenarja inawgurali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. © EP  

Is-Sibt 19 ta' Ġunju, fi Strasburgu saret il-laqgħa plenarja inawgurali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Il-plenarja tal-lum timmarka mument importanti ieħor fil-ħajja tal-Konferenza – eżerċizzju Ewropew demokratiku, miftuħ u inklużiv bla preċedent.


Wara d-dikjarazzjonijiet tal-ftuħ tal-Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv, rappreżentanti – inklużi ċittadini – iddiskutew l-għan u l-aspettattivi tal-Konferenza, inklużi l-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, il-Panels Nazzjonali u avvenimenti, u l-Pjattaforma Diġitali Multilingwi. L-Avveniment taċ-Ċittadini Ewropej ta’ Liżbona, li sar fis-17 ta’ Ġunju, intlaqa’ wkoll mill-Ko-Presidenti.


It-tieni parti ffukat fuq kwistjonijiet aktar proċedurali inkluż il-kalendarju tal-Plenarji tal-Konferenza, il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej u l-Avveniment għaċ-Ċittadini Ewropej.


Tista' tara video editjat jew is-sessjoni kollha fuq il-Multimedia Centre tal-Parlament.

Il-passi li jmiss

Il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej se jiltaqgħu f'Settembru u Ottubru biex jippreparaw il-kontribut tagħhom għal dibattiti fil-plenarja futuri, inkluż sett ta' rakkomandazzjonijiet ta' segwitu għall-Unjoni, ibbażati fuq il-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini miġbura permezz tal-Pjattaforma. Il-Konferenza hi impenjata li tagħti l-ispazju kollu possibbli liż-żgħażagħ u b'rabta ma' dan, qed ikomplu wkoll il-preparamenti għall-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ organizzat mill-Parlament Ewropew fit-8-9 ta' Ottubru. Is-sessjoni plenarja li jmiss hija skedata għat-22-23 ta' Ottubru.

L-isfond

Il-Plenarja tal-Konferenza tinkludi 108 rappreżentant mill-Parlament Ewropew, 54 mill-Kunsill (tnejn għal kull Stat Membru), u 3 mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll 108 rappreżentant mill-Parlamenti nazzjonali kollha fuq bażi ugwali, kif ukoll ċittadini. 108 Ewropew se jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar ideat li se joħorġu mill-Panels taċ-Ċittadini u mill-Pjattaforma Diġitali Multilingwi: 80 rappreżentant mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, li minnhom għall-inqas terz se jkunu taħt l-età ta' 25 sena, u 27 mill-Panels Nazzjonali taċ-Ċittadini jew avvenimenti tal-Konferenza (wieħed għal kull Stat Membru), kif ukoll il-President tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ. Il-proċess ta' għażla għar-rappreżentanti taċ-ċittadini se jitlesta fil-futur qarib.


Se jieħdu sehem 18-il rappreżentant tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u tmienja oħra tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili, filwaqt li r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà se jkun mistieden għal diskussjonijiet relatati mar-rwol internazzjonali tal-UE. Rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati prinċipali jistgħu jkunu mistiedna wkoll. Il-Plenarja tal-Konferenza se tkun bilanċjata bejn il-ġeneri.


Iċ-ċittadini madwar l-Ewropa diġà jistgħu jieħdu sehem fil-Konferenza permezz tal-Pjattaforma Diġitali Multilingwi, disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.