Il-PE jadotta regoli temporanji għas-sejbien ta' abbuż sesswali tat-tfal online 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE adottaw miżuri ġodda li jiġġieldu l-abbuż sesswali tat-tfal online. ©Samuel/AdobeStock  
  • Il-fornituri tas-servizzi jistgħu jkomplu japplikaw miżuri volontarji għas-sejbien, it-tneħħija u r-rapportar ta' kontenut ta' abbuż sesswali tat-tfal

  • L-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data se jwettqu sorveljanza aktar b'saħħitha tat-teknoloġiji użati

  • Soluzzjoni temporanja għal mhux aktar minn tliet snin

Il-MPE approvaw regolament temporanju li jippermetti lill-fornituri tas-servizzi bbażati fuq l-internet ikomplu jiġġieldu materjal online ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq bażi volontarja.

Fil-kuntest taż-żieda inkwetanti fl-ammont ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet waqt il-pandemija, il-Parlament b'537 vot favur, 133 vot kontra u 24 astensjoni għadda liġi biex jipproteġi lit-tfal b'mod aktar effettiv mill-abbuż sesswali u l-isfruttament meta jużaw webmail, chat u servizzi ta' messaġġi.


Il-ftehim li ntlaħaq f'April jipprevedi deroga temporanja mill-Artikoli 5(1) u 6(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, li tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku. Il-leġiżlazzjoni se tapplika għal mhux aktar minn tliet snin, jew inqas jekk sadanittant jintlaħaq ftehim fuq regoli permanenti ġodda li jindirizzaw l-abbuż sesswali tat-tfal online.


Sejbien volontarju mill-fornituri tas-servizzi



Il-fornituri tas-servizzi għandhom jużaw l-inqas teknoloġiji intrusivi possibbli għall-privatezza.


Materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal


Materjal online marbut ma' abbuż sesswali tat-tfal jinstab permezz ta' teknoloġiji speċifiċi li jiskennjaw il-kontenut, bħall-immaġnijiet u t-test, jew data tat-traffiku. Waqt li t-teknoloġija tal-"hashing" tgħin bl-immaġnijiet u l-videos, il-klassifikaturi u l-intelliġenza artifiċjali jintużaw biex janalizzaw test jew data tat-traffiku biex jinstab grooming online.

Dawn ir-regoli ġodda mhux se japplikaw għall-iskennjar ta' komunikazzjonijiet bl-audio.


Protezzjoni tal-privatezza msaħħa


Il-MPE insistew li għandhom jiġu stabbiliti proċeduri u mekkaniżmi ta' rimedju xierqa li jiżguraw li l-individwi jkunu jistgħu jagħmlu lmenti jekk iqisu li drittijiethom ikunu nkisru. L-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data se jkollhom sorveljanza aħjar tat-teknoloġiji li jużaw il-fornituri tas-servizzi permezz ta' valutazzjoni tal-impatt u proċeduri ta' konsultazzjoni minn qabel.


Kwotazzjoni

Wara l-votazzjoni, ir-Rapporteur Birgit SIPPEL (S&D, DE) qalet :

"L-abbuż sesswali tat-tfal huwa delitt orribbli li jikser id-drittijiet tal-bniedem. Irridu nipprevenuh b'mod aktar effettiv, inressqu l-qorti aktar trasgressuri u noffru għajnuna aħjar lill-vittmi. Il-ftehim huwa kompromess bejn is-sejbien tal-abbuż tat-tfal online u l-protezzjoni tal-privatezza tal-utenti. Forsi mhux perfett, imma huwa soluzzjoni temporanja li taħdem għat-tliet snin li ġejjin. Issa għandna bżonn urġenti li l-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni fit-tul li tispira ruħha mis-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data li nsibu fir-regoli temporanji, u li, barra minn hekk, jagħmlu l-iskennjar tal-komunikazzjonijiet personali aktar immirati."


Il-passi li jmiss

Ir-regolament għad irid jiġi adottat formalment mill-Kunsill u mbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Se jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

L-isfond

Din il-bidla fil-liġi kienet meħtieġa sabiex il-fornituri tas-servizzi web ikunu jistgħu jkomplu japplikaw miżuri volontarji biex jiġġieldu u jipprevjenu t-tixrid ta' kontenut ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, wara l-applikazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi f'Diċembru 2020.

Il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi soluzzjoni aktar permanenti biex tindirizza din il-problema matul l-2021.