Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: iċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-attenzjoni 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-ewwel wieħed minn erba' Panels taċ-Ċittadini Ewropej jibda l-ħidma tiegħu b'sessjoni fi Strasburgu mill-Ġimgħa, s-17 ta' Settembru sal-Ħadd, id-19 ta' Settembru 2021.

Il-Panels jinsabu fil-qalba tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u se jlaqqgħu flimkien 800 ċittadin minn kull sfond u rokna tal-UE. Minn Settembru 2021 sa Jannar 2022, erba' panels, kull wieħed magħmul minn 200 ċittadin, li jirriflettu d-diversità demografika u soċjali tal-UE se jiddeliberaw u jagħmlu rakkomandazzjonijiet konkreti dwar id-direzzjoni futura li jixtiequ għall-Ewropa. Mill-inqas terz tal-parteċipanti f'kull panel se jkollhom inqas minn 25 sena.

F'ambjent multilingwu, il-parteċipanti ta' kull panel se jiltaqgħu tliet darbiet biex jiddiskutu,rispettivament, it-temi li ġejjin.
(1) Ekonomija aktar qawwija, il-ġustizzja soċjali, l-impjiegi/l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura, l-isport,
it-trasformazzjoni diġitali;
(2) Id-demokrazija/il-valuri Ewropej, id-drittijiet, l-istat tad-dritt, is-sigurtà
(3) It-tibdil fil-klima, l-ambjent/is-saħħa; kif ukoll,
(4) L-UE fid-dinja/il-migrazzjoni.

Kull panel se jkun iltaqa' darba biex jagħti bidu għall-ħidma tiegħu qabel il-laqgħa Plenarja tal-Konferenza li jmiss fit-22-23 ta' Ottubru.

Il-Konferenza u l-Panels taċ-Ċittadini Ewropej b'mod partikolari huma eżerċizzju transnazzjonali u multilingwi bla preċedent fid-demokrazija deliberattiva, eżerċizzju li joffri liċ-ċittadini Ewropej rwol ċentrali fit-tiswir tal-futur tal-UE. Bħala parti mill-Konferenza, iċ-ċittadini jistgħu wkoll iressqu l-ideat tagħhom fuq pjattaforma diġitali multilingwa u f'diversi avvenimenti organizzati fil-livelli nazzjonali u Ewropej.

Il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej se jadottaw il-kontributi mill-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza, u jibdew mill-ewwel rapport interim, ippubblikat fil-15 ta' Settembru. Iddeliberazzjonijiet tagħhom se jieħdu wkoll kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-Panels nazzjonali taċ-Ċittadini organizzati fil-kuntest tal-Konferenza madwar l-Istati Membri.

Sas-sessjoni finali tal-Panels, dawn it-800 ċittadin se jifformulaw rakkomandazzjonijiet li se jiġu ppreżentati u diskussi fil-Plenarja tal-Konferenza. 20 ċittadin magħżula minn kull panel se jiddeliberaw b'mod konġunt mar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-UE, tal-Parlamenti nazzjonali, tas-sħab soċjali, tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħra - kollha bħala membri sħaħ tal-Plenarja tal-Konferenza. Wara li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikunu ġew
ippreżentati miċ-ċittadini u diskussi magħhom, il-Plenarja, fuq bażi kunsenswali, se tressaq proposti lill-Bord Eżekuttiv, li jħejji rapport f'kollaborazzjoni sħiħa u trasparenza sħiħa mal-Plenarja. It-tliet istituzzjonijiet - il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea - impenjaw ruħhom li jeżaminaw malajr kif għandhom isegwu b'mod effettiv dan ir-rapport, kull wieħed fl-isfera ta' kompetenzi tiegħu u skont it-Trattati tal-UE.

Il-passi li jmiss

Matul l-ewwel sessjonijiet tagħhom, il-Panels se jiddiskutu d-diversi viżjonijiet taċ-ċittadini għall-futur u jagħżlu fuq liema sottotemi jkunu jixtiequ jiffukaw id-deliberazzjonijiet tagħhom. Dawn se jagħżlu wkoll ir-rappreżentanti tagħhom għall-Plenarja tal-Konferenza.

L-ewwel sessjoni ta' kull panel se ssir fi Strasburgu (jiġifieri Panel 1 fis-17-19 ta' Settembru, Panel 2 fl-24-26 ta' Settembru, Panel 3 fl-1-3 ta' Ottubru, u Panel 4 fil-15-17 ta' Ottubru), it-tieni tkun online, u tielet waħda f'istituti Ewropej fi bliet Ewropej oħrajn (Dublin, Firenze, Varsavja u Maastricht), fir-rispett sħiħ tal-miżuri applikabbli dwar saħħa u sigurta. L-ewwel żewġ panels se jippreżentaw u jiddibattu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom fil-Plenarja tal-Konferenza f'Diċembru 2021, filwaqt li t-tielet u r-raba' se jagħmlu dan f'Jannar 2022.

Sfond

L-erba' Panels taċ-Ċittadini Ewropej huma pilastru tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa u huma organizzati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea. Iċ-ċittadini parteċipanti ntgħażlu b'mod aleatorju minn kumpanija indipendenti tas-sondaġġi skont ħames kriterji, biex tiġi riflessa d-diversità tal-UE: l-oriġini ġeografika (in-nazzjonalità u l-ambjent urban/rurali), il-ġeneru, l-età, il-kuntest soċjoekonomiku u l-livell ta' edukazzjoni. Iż-żgħażagħ bejn
is-16 u l-25 sena se jiffurmaw terz ta' kull panel u se jiġi rispettat il-bilanċ bejn il-ġeneri. Għat-tisħiħ tat-trasparenza, id-deliberazzjonijiet plenarji tal-Panels (jiġifieri d-diskussjonijiet fost il-200 ċittadin kollha) se jixxandru b'mod live fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwa tal-Konferenza b'24 lingwa.