Strateġija ġdida tal-UE "Mill-Għalqa sal-Platt" għal ikel aħjar għas-saħħa u aktar sostenibbli 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jenfasizzaw il-ħtieġa li titnaqqas l-impronta ambjentali tal-agrikoltura. ©AdobeStock/Julia  
  • Hemm bżonn ta’ miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi
  • L-istandards dwar it-trattament xieraq tal-annimali għandhom jiġu rieżaminati
  • Aktar art għall-biedja organika
  • Il-bdiewa jeħtiġilhom jaqilgħu sehem ġust mill-profitt minn ikel prodott b'mod sostenibbli

Il-MPE ippreżentaw pjanijiet li jġeddu s-sistemi tal-ikel, jipproduċu ikel aħjar għas-saħħa, jiżguraw is-sigurtà tal-ikel, dħul ġust għall-bdiewa u jnaqqsu l-impronta ambjentali.

Il-Parlament jilqa' l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u jissottolinja l-importanza tal-produzzjoni ta' dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa biex jinkisbu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, fosthom l-għanijiet dwar il-klima, il-bijodiversità, it-tniġġis żero u s-saħħa pubblika.

Il-MPE enfasizzaw il-ħtieġa ta' titjib fis-sostenibbiltà f'kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel u tennew li kulħadd - mill-bidwi sal-konsumatur - għandu rwol x'jaqdi. Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu jistgħu jaqilgħu sehem ġust mill-profitt magħmul minn ikel prodott b'mod sostenibbli, il-MPE jridu li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi - inkluż permezz tal-adattament tar-regoli tal-kompetizzjoni - biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista.

Rakkomandazzjonijiet oħra jinkludu:

Ikel aktar tajjeb għas-saħħa

- Rakkomandazzjonijiet tal-UE bbażati fuq ix-xjenza għal dieti tajbin għas-saħħa, inkluż tikketta nutrizzjonali obligatorja fuq il-quddiem tal-pakkett ta’ prodott

- irid jiġi indirizzat il-konsum żejjed tal-laħam u ikel ipproċessat ħafna b'kontenut għoli ta' melħ, zokkor u xaħam, inkluż billi jiġu stabbiliti livelli massimi ta' konsum.

Pestiċidi u protezzjoni tad-dakkara

- titjib tal-proċess ta' approvazzjoni tal-pestiċidi u monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni għall-protezzjoni tad-dakkara u l-bijodiversità

- miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miri permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom tal-PAK

L-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra

- Il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55% sal-2030" irid jirregola u jistabbilixxi miri ambizzjużi għall-emissjonijiet mill-agrikoltura u l-użu tal-art relatat, fosthom kriterji stretti għall-enerġija rinnovabbli bbażata fuq il-bijomassa

- il-bjar tal-karbonju naturali jridu jiġu restawrati u mtejba.

It-trattament xieraq tal-annimali

- il-ħtieġa ta' indikaturi komuni u bbażati fuq ix-xjenza dwar it-trattament xieraq tal-annimali għal armonizzazzjoni aktar b'saħħitha madwar l-UE

- il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE trid tiġi evalwata biex naraw jekk hemmx bżonn bidliet

- it-tmiem gradwali tal-użu tal-gaġeġ fit-trobbija tal-annimali fl-UE

- prodotti tal-annimali mhux tal-UE għandhom ikunu permessi biss jekk l-istandards tagħhom ikunu allinjati mal-istandards tal-UE.

Biedja organika

- l-art organika tal-UE għandha tiżdied sal-2030

- il-ħtieġa ta' inizjattivi - promozzjoni, akkwist pubbliku u inizjattivi fiskali - biex jistimulaw id-domanda

Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b'452 vot favur, 170 kontra u 76 astensjoni. Il-votazzjoni saret nhar it-Tlieta u r-riżultati tħabbru nhar l-Erbgħa. Tista’ terġa’ tara d-dibattitu hawnhekk.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni qed tippjana li tressaq numru ta’ proposti leġiżlattivi fil-qafas tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-MPE enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm valutazzjonijiet tal-impatt xjentifiċi ex-ante ta’ kull proposta u matul id-dibattitu fil-plenarja ħafna qalu li ddispjaċihom li l-Kummissjoni ppubblikat b’mod tardiv ir-rapport taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka dwar l-impatt tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.

Kwotazzjonijiet

Wara l-votazzjoni, Herbert Dorfmann (PPE, IT), ir-rapporteur tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qal: "Ir-responsabbiltà għal agrikoltura aktar sostenibbli trid tkun sforz konġunt mill-bdiewa u l-konsumaturi. Il-bdiewa tagħna diġà qed jagħmlu biċċa xogħol sew, għalhekk meta bir-raġun nitolbuhom ikomplu jnaqqsu l-użu tagħhom tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti u tal-antibijotiċi, jeħtieġ li nappoġġjawhom biex il-produzzjoni mhux biss tiċċaqlaq barra mill-UE. L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-ikel bi prezzijiet raġonevoli għandu jibqa' prijorità."

Anja Hazekamp(The Left, NL), ir-rapporteur tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, qalet: "Il-politiki attwali tal-UE qed jippromwovu mudelli tal-biedja li jagħmlu ħsara lill-ambjent u qed iwittu t-triq għall-importazzjonijiet ta' prodotti mhux sostenibbli. Aħna nipproponu miżuri konkreti biex is-sistema tal-ikel tagħna inġibuha lura fil-limiti tal-pjaneta billi nistimulaw il-produzzjoni lokali tal-ikel u billi nitbiegħdu mit-trobbija intensiva tal-bhejjem u mill-monokulturi tal-għelejjel b'użu għoli ta' pestiċidi. Sistema tal-ikel sostenibbli hija kruċjali wkoll għall-futur tal-bdiewa."