Polonja: It-Tribunal Kostituzzjonali huwa illeġittimu u mhux f’pożizzjoni biex jinterpreta l-kostituzzjoni 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • It-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk huwa “għodda għal-legalizzazzjoni tal-attivitajiet illegali tal-awtoritajiet”
  • L-ebda flus tal-UE għal gvernijiet li jimminaw b’mod flagranti, intenzjonat u sistematiku l-valuri tal-UE
  • L-UE jeħtieġ li tipproteġi lill-poplu tal-Polonja, li jibqa’ fil-biċċa l-kbira ħafna favur is-sħubija fl-UE
Eluf ta' dimostranti paċifiċi fil-Polonja niżlu fit-toroq biex jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal.©Wojtek RADWANSKI / AFP  

Il-Parlament jikkundanna tentattiv biex tiġi mminata s-supremazija tal-liġi tal-UE u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti jipproteġu l-poplu tal-Polonja u tal-Unjoni

F’riżoluzzjoni adottata nhar il-Ħamis b’ 502 voti favur, 153 kontra, u 16-il astensjoni, il-MPE enfasizzaw li t-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk huwa nieqes mill-validità u l-indipendenza legali, u mhuwiex kwalifikat biex jinterpreta l-kostituzzjoni tal-pajjiż. Wara d-dibattitu fil-plenarja mqanqal nhar it-Tlieta mal-Prim Ministru Pollakk u l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, il-MPE qalu li “jiddeploraw ħafna” d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2021 “bħala attakk fuq il-komunità Ewropea tal-valuri u l-liġijiet kollha kemm hi”, u jgħidu li t-Tribunal ġie ttrasformat “f’għodda għal-legalizzazzjoni tal-attivitajiet illegali tal-awtoritajiet”.


Il-Parlament ifaħħar l-għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti paċifiċi fil-Polonja, li ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw id-deċiżjoni tat-Tribunal, u x-xewqa tagħhom għal Polonja demokratika b’saħħitha fil-qalba tal-proġett Ewropew. Il-MPE jtennu l-appoġġ tagħhom għall-imħallfin Pollakki li għadhom japplikaw il-preminenza tal-liġi tal-UE u jirreferu l-każijiet lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minkejja r-riskju għall-karrieri tagħhom.


Il-MPE jenfasizzaw li, skont il-kostituzzjoni tal-Polonja, it-Trattati tal-UE, huma direttament applikabbli fl-ordni legali tagħha, u għandhom preċedenza f’każ ta’ kunflitt mal-liġi domestika. Huma jakkużaw lill-Prim Ministru Pollakk li “kompla juża ħażin il-ġudikatura bħala għodda biex jikseb l-aġenda politika tiegħu” u jgħidu li l-Polonja tibqa’ marbuta volontarjament mit-Trattati u l-każistika tal-Qorti tal-UE.


Azzjoni biex jerġa’ jiġi stabbilit l-istat tad-dritt, mingħajr ma ssir ħsara liċ-ċittadini


Il-Parlament jitlob li ma jingħatawx flus il-kontribwenti tal-UE lill-gvernijiet li “jimminaw b’mod flagranti, intenzjonat u sistematiku” il-valuri Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaġixxu, inkluż billi:

  • iniedu proċeduri ta’ ksur u jitolbu miżuri interim mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE;
  • l-użu tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt;
  • joqgħodu lura milli japprovaw il-pjan Pollakk għall-irkupru u r-reżiljenza;
  • jiddikjaraw li hemm riskju ċar ta’ ksur serju tal-istat tad-dritt mill-Polonja skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat;
  • l-interruzzjoni jew is-sospensjoni tal-ħlasijiet, minħabba r-riskju ta’ nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ kontroll; u
  • jiddiskutu l-kriżi fil-preżenza tal-President tal-Parlament fis-summit li jmiss fil-21–22 ta’ Ottubru, u tinħareġ dikjarazzjoni konġunta ta’ kundanna bl-aktar mod qawwi possibbli mill-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE.

Il-MPE jenfasizzaw li dawn l-azzjonijiet mhumiex maħsuba biex jikkastigaw lill-poplu tal-Polonja, iżda biex ireġġgħu lura l-istat tad-dritt fid-dawl tad-deterjorament kontinwu tiegħu, u jistiednu lill-Kummissjoni ssib mekkaniżmi li jippermettu li l-finanzjament jasal għand il-benefiċjarji diretti tiegħu.


Sfond

Ir-riżoluzzjoni tissottolinja li f'għadd ta’ stħarriġ li saru fil-Polonja f’Settembru u Ottubru 2021, 5 % biss ta’ dawk li wieġbu qalu li jixtiequ li l-Polonja titlaq mill-UE. Sa 90 % evalwaw pożittivament is-sħubija tal-Polonja fl-UE, u 95 % ħasbu li l-appoġġ tal-UE kellu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-belt jew ir-reġjun tagħhom, ogħla mill-medja tal-UE.