Il-MPE taw l-approvazzjoni finali għar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

© ValentinValkov / AdobeStock  
  • Politika ġdida ssaħħaħ il-bijodiversità u taderixxi mal-liġijiet u l-impenji ambjentali u klimatiċi tal-UE.
  • 10% tal-pagamenti diretti se jmorru għal farms żgħar u ta' daqs medju
  • Riżerva permanenti għall-kriżijiet biex tintuża meta l-prezzijiet jew is-swieq ikunu instabbli
  • Penalitajiet għal dawk li jiksru r-regoli tax-xogħol

It-Tlieta, il-Parlament ta l-approvazzjoni għall-Politika tal-Biedja ġdida tal-UE. Din il-verżjoni riformata għandha l-għan li tkun aktar ekoloġika, ġusta, flessibbli u trasparenti.

Waqt in-negozjati dwar il-pakkett ta' riforma leġiżlattiva, il-MPE insistew li t-tisħiħ tal-bijodiversità u l-osservanza tal-liġijiet u l-impenji ambjentali u klimatiċi se jkunu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) riformata, li se tidħol fis-seħħ fl-2023. Waqt li l-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-PAK humiex jirrispettaw dawn l-impenji, il-bdiewa jridu jikkonformaw ma' prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-klima u lill-ambjent. L-Istati Membri se jkunu obbligati jiżguraw li mill-inqas 35% tal-baġit għall-iżvilupp rurali u mill-inqas 25% tal-pagamenti diretti se jkunu dedikati għal miżuri tal-ambjent u l-klima.


Aktar għajnuna għall-farms żgħar u l-bdiewa żgħażagħ


Il-MPE żguraw li minimu ta' 10% tal-pagamenti diretti se jintużaw biex jgħinu lil farms żgħar jew ta' daqs medju u mill-inqas 3% tal-baġit tal-PAK se jmur għall-bdiewa żgħażagħ. Huma insistew ukoll li riżerva għall-kriżijiet b'baġit annwali ta' EUR 450 miljun (fi prezzijiet kurrenti) se tkun dejjem lesta biex tgħin lill-bdiewa f'każ ta' instabilità fil-prezzijiet jew fis-suq.


Aktar trasparenza u konformità mar-regoli tax-xogħol


B'riżultat tal-pressjoni tal-Parlament, ir-regoli tax-xogħol tal-UE fis-setturi agrikoli se jkunu monitorjati aħjar u l-ksur tagħhom se jiġi penalizzat bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn l-ispetturi nazzjonali tax-xogħol u l-aġenziji tal-pagamenti tal-PAK.


L-informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali tal-għajnuna tal-UE se tkun aktar trasparenti bis-saħħa ta' għodda tal-UE għall-estrazzjoni ta' data, li l-Istati Membri se jkollhom aċċess għaliha u li tgħinhom jidentifikaw ir-riskju ta' frodi li jsir permezz ta' kontroverifiki ta' informazzjoni fil-bażijiet ta' data pubbliċi.


Ir-"Regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi" ġie adottat b'452 voti favur, 178 kontra u 57 astensjoni, ir-"Regolament Orizzontali" b'485 voti favur, 142 kontra u 61 astensjoni ir-regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq" b'487 voti favur, 130 kontra u 71 astensjoni.


Il-passi li jmiss

Ir-regoli kurrenti tal-PAK ġew estiżi wara l-31 ta' Diċembru 2020 u ġew sostitwiti b'regoli tranżizzjonali sal-aħħar tal-2022. Ladarba jiġu approvati mill-Kunsill, ir-regoli l-ġodda se jkunu applikabbli mill-1 ta' Jannar 2023.