L-Att dwar is-Swieq Diġitali: Il-Parlament lest biex jibda n-negozjati mal-Kunsill
- It-tmiem ta' prattiki kummerċjali inġusti minn pjattaformi online kbar
- Obbligi u projbizzjonijiet ġodda direttament applikabbli għall-"gwardjani" tas-suq
- Ir-regoli se jiġu infurzati mill-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali.
- Restrizzjonijiet fuq "akkwiżizzjonijiet qattiela"
- Livell minimu ta' multi ta' 4% u sa 20% tal-fatturat totali.
Il-Parlament approva l-bidu tan-negozjati mal-Istati Membri dwar ir-regoli li jistabbilixxu x'se jkunu jistgħu u ma jistgħux jagħmlu l-pjattaformi online kbar fl-UE.
Il-proposta tal-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) tpoġġi f'lista sewda ċerti prattiki użati minn pjattaformi kbar li jaġixxu bħala "gwardjani" u tippermetti lill-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet tas-suq u tissanzjona mġiba mhux konformi.
It-test approvat mill-Parlament b'642 vot favur, 8 kontra u 46 astensjoni jistabbilixxi obbligi u projbizzjonijiet ġodda direttament applikabbli għal dawn il-pjattaformi, bil-għan li jiġu żgurati swieq ġusti u miftuħa.
Ir-regolament propost se japplika għall-kumpaniji kbar li jipprovdu 'l hekk imsejħa "servizzi ewlenin ta' pjattaforma" li huma l-aktar suxxettibbli għal prattiki kummerċjali inġusti. Dawn jinkludu servizzi ta' intermedjazzjoni online, networks soċjali, magni tat-tiftix, sistemi operattivi, servizzi ta' reklamar online, cloud computing, u servizzi ta' kondiviżjoni tal-videos, li jissodisfaw il-kriterji rilevanti biex jiġu indikati bħala "gwardjani". Il-MPE inkludew ukoll browsers tal-web, assistenti virtwali u TV konness fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-DMA.
Bidliet oħra introdotti mill-MPE huma relatati mad-definizzjoni ta' gwardjani bbażata fuq ċerti limiti, il-lista ta' obbligi u projbizzjonijiet ("x'għandek u x'ma għandekx tagħmel"), fosthom dispożizzjonijiet ġodda dwar reklamar immirat u l-interoperabilità tas-servizzi, restrizzjonijiet fuq "akkwiżizzjonijiet qattiela", infurzar tal-UE, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u multi.
Xi punti ewlenin
Fit-test approvat, il-Parlament Ewropew:
- iżid il-limiti kwantitattivi li jfisser li kumpanija tkun koperta mid-DMA sa EUR 8 biljun f'fatturat annwali fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u kapitalizzazzjoni tas-suq ta' EUR 80 biljun; il-kumpaniji jkunu jridu wkoll jipprovdu servizz ewlieni ta' pjattaformi f'mill-inqas tliet pajjiżi tal-UE u jkollhom mill-inqas 45 miljun utent aħħari fix-xahar, kif ukoll iktar minn 10,000 utent kummerċjali;
- jinkludi rekwiżiti addizzjonali fuq l-użu tad-data għal reklamar immirat u mmirat fil-livell mikro u l-interoperabilità tas-servizzi, bħal servizz ta' komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri u servizzi tan-network soċjali;
- jagħti lill-utenti l-għażla biex fi kwalunkwe mument ineħħu xi applikazzjonijiet software pre-installati, bħal apps fuq servizz ewlening ta’ pjattaforma
- jipprevedi restrizzjonijiet fuq "akkwiżizzjonijiet qattiela": f'każijiet ta' nonkonformità sistematika, il-Kummissjoni tista' tirrestrinġi lill-gwardjani milli jagħmlu akkwiżizzjonijiet f'żoni rilevanti għad-DMA sabiex tirrimedja jew tipprevjeni iktar dannu lis-suq intern. Il-gwardjani jkunu wkoll obbligati jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe konċentrazzjonimaħsuba;
- jikkjarifika r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, filwaqt li jħalli l-infurzar tad-DMA f'idejn il-Kummissjoni;
- jgħid li d-DMA għandu jiżgura li l-informaturi jkunu jistgħu jwissu lill-awtoritajiet kompetenti dwar ksur reali jew potenzjali ta' dan ir-regolament u jipproteġihom minn ritaljazzjoni;
- jistabbilixxi li, jekk gwardjan ma jikkonformax mar-regoli, il-Kummissjoni tista' timponi multi ta' "mhux inqas minn 4% u mhux iktar minn 20% tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti.
Tista' ssib iktar informazzjoni f'din l-istqarrija għall-istampa.
Il-passi li jmiss
It-test approvat illum se jkun il-mandat tal-Parlament għan-negozjati mal-gvernijiet tal-UE, li huma ppjanati li jibdew taħt il-presidenza Franċiża tal-Kunsill fl-ewwel semestru tal-2022. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) - proposta parallela li tirregola l-pjattaformi online u li tindirizza, fost affarijiet oħra, kontenut illegali u algoritmi - huwa mistenni li jitressaq għall-votazzjoni fil-plenarja f'Jannar.
Kuntatti:
-
Isabel Teixeira NADKARNI
Press Officer