L-ugwaljanza bejn il-ġeneri: aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u pagi ndaqs 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-UE hija mill-inqas 60 sena 'l bogħod milli tikseb l-ugwaljanza. ©AdobeStock/Monster Ztudio  

Il-MPE jitolbu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipproponu miżuri konkreti biex jiddefendu d-drittijiet tan-nisa u jnaqqsu l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fl-UE.

  • Id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fl-UE, li hija ta' 14.1%, trid tiġi eliminata.
  • Miżuri u leġiżlazzjoni mmirati huma meħtieġa wkoll biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u biex jiġu protetti l-vittmi
  • Bil-progress li għaddej bħalissa, l-UE għadha mill-inqas 60 sena 'l bogħod milli tilħaq ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri

F'rapport mhux leġiżlattiv adottat fil-xx b'500 vot favur, 105 kontra u 87 astensjoni, il-MPE tennew li l-paga ugwali u t-trattament ugwali huma prekundizzjoni essenzjali għad-drittijiet ugwali tan-nisa, l-indipendenza ekonomika tagħhom u s-sodisfazzjoni tagħhom fil-karriera.


Il-MPE huma mħassba minħabba d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi fl-UE (14.1%) u fil-pensjonijiet (29.5%), kif ukoll minħabba n-natura ta' spiss prekarja tas-sitwazzjoni tax-xogħol tan-nisa. Huma qed jappellaw lill-Istati Membri jieħdu miżuri prattiċi li jiżguraw li n-nisa jkollhom aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u l-impjieg, u li jkollhom paga ugwali u drittijiet tax-xogħol ugwali. Biex jinfurzaw dan, in-negozji jistgħu, per eżempju, jiġu kkastigati meta jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol. Il-MPElaqgħu wkoll il-proposta tal-Kummissjoni dwar miżuri vinkolanti ta' trasparenza fil-pagi iżda enfasizzaw li t-trasparenza fil-pagi biss mhix se tkun biżżejjed biex tindirizza inugwaljanzi profondi bejn il-ġeneri.


Niżguraw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Biex niżguraw li kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, ikollu d-dritt li jaħdem u jsib bilanċ bejn il-ħajjiet professjonali u privati tiegħu, il-MPE appellaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsaħħu aktar l-intitolamenti tal-maternità u l-paternità billi jtejbu l-għoti ta' perjodi ta' leave ugwali u bi ħlas sħiħ. Huma qed jitolbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli wara leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri u aktar investimenti f'servizzi lokali ta' indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja.

Neliminaw il-vjolenza kontra n-nisa

Waqt li nnutaw li l-pandemija u l-lockdowns assoċjati magħha wasslu għal żieda fil-vjolenza kontra n-nisa, il-MPE appellaw lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżguraw li min iwettaq l-abbuż jiġi identifikat u mfittex mill-pulizija. Huma qed jenfasizzaw il-ħtieġa ta' programmi speċifiċi biex jipproteġu u jimmonitorjaw lill-vittmi tal-vjolenza domestika u ta' miżuri li jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja u l-kenn.


Biex tiġi indirizzata l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, il-MPE qed jgħidu li l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, u li hemm bżonn leġiżlazzjoni tal-UE komprensiva dwar dan s-suġġett.


Niggarantixxu l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR)

L-abbozz ta' rapport itenni li l-aċċess għas-SRHR huwa dritt fundamentali li ma jista' bl-ebda mod jiġi mxejjen jew miċħud. Il-MPE jenfasizzaw li l-ksur tas-SRHR, inkluż it-tiċħid ta' kura sikura u legali għall-abort, jikkostitwixxi forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. Il-MPE qed jappellaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għal min jipprovdi l-kura tas-saħħa biex imexxi 'l quddiem is-SRHR, u għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għas-SRHR.


Il-kuntest

Skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-UE għadha 60 sena 'l bogħod milli tilħaq ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri. Il-punteġġ tal-UE żdied biss b'4.9 punti sa mill-2010. Fl-2021, l-Istati Membri kisbu punteġġ medju ta' 68 minn 100, u aktar minn terz minnhom kisbu inqas minn 60 punt.