Il-MPE jitolbu strateġija tal-UE aktar effettiva kontra l-kanċer 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jitolbu għal azzjoni aktar b'saħħitha tal-UE biex tiġġieled il-kanċer © ANNE-CHRISTINE POUJOULAT / AFP  
  • Miżuri addizzjonali meħtieġa biex jiġu indirizzati l-fatturi ta' riskju ambjentali, ta' stil ta' ħajja u marbuta max-xogħol
  • Aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa u l-provi kliniċi transfruntiera għall-pazjenti tal-kanċer
  • Ġestjoni aktar effiċjenti ta' nuqqasijiet fil-provvista tal-mediċini tal-kanċer

Il-Parlament adotta r-rakkomandazzjonijiet finali tiegħu għal strateġija tal-UE komprensiva u koordinata kontra l-kanċer.

Ir-rapport mill-Kumitat Speċjali tal-Parlament għall-Ġlieda kontra l-Kanċer (BECA) ġie adottat b'652 vot favur, 15 kontra u 27 astensjoni nhar l-Erbgħa.


Iffukar fuq il-prevenzjoni tal-kanċer


Peress li aktar minn 40% tal-kanċers jistgħu jiġu evitati permezz ta' "azzjonijiet koordinati li jimmiraw fatturi ta' riskju relatati mal-aġir, bijoloġiċi, ambjentali, relatati max-xogħol, soċjoekonomiċi u kummerċjali", il-MPE talbu li jittieħdu miżuri ta' prevenzjoni effettivi fuq livell nazzjonali u tal-UE, fuq il-bażi ta' għarfien espert xjentifiku indipendenti. Il-miżuri rakkomandati jinkludu programmi ta' finanzjament li jħeġġu lin-nies jieqfu jpejpu u l-promozzjoni ta' azzjonijiet biex inaqqsu u jipprevjenu dannu relatat mal-alkoħol bħala parti mill-istrateġija riveduta tal-UE dwar l-alkoħol. Il-Parlament jitlob ukoll tikketta nutrizzjonali tal-UE, li tkun obbligatorja u armonizzata, fuq quddiem tal-pakketti tal-prodotti tal-ikel kif ukolll-istabbiliment ta' valuri ta' limitu ta' esponiment industrijali għal mill-inqas 25 sustanza addizzjonali.


Aċċess ugwali għall-kura tal-kanċer bejn il-fruntieri


Il-MPE huma kkonċernati li l-pazjenti għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet meta jippruvaw jaċċedu għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u jipparteċipaw fil-provi kliniċi f'pajjiżi oħra tal-UE. Għalhekk huma qed jitolbu li jiġi riformat il-qafas leġiżlattiv eżistenti biex jippermetti l-mobilità u l-aċċess għal apparat u kura speċjalizzati ħafna. Għandu jkun hemm ġabra waħda ta' regoli biex il-kura tas-saħħa transfruntiera, inkluż id-dritt għat-tieni opinjoni, tiġi awtorizzata u rimborżata. Huma jgħidu wkoll li l-kooperazzjoni multinazzjonali u l-mod kif isiru l-provi kliniċi transfruntiera wkoll jeħtieġ li jkunu aktar effettivi.


Approċċ Ewropew biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-provvista tal-mediċini


Sabiex jittaffew in-nuqqasijiet fil-provvista u jagħmlu t-trattamenti tal-kanċer aktar aċċessibbli u bi prezz raġonevoli għal kulħadd fil-livell tal-UE, il-MPE jippromwovu bil-qawwa it-twessigħ tal-proċeduri ta' akkwist konġunt, speċjalment għal mediċini u trattamenti tal-kanċer rari, pedjatriċi u ġodda. Huma jridu wkoll jiddiversifikaw il-katina ta' provvista tal-mediċini tal-kanċer, jimmonitorjaw in-nuqqasijiet fil-provvista aktar mill-qrib u joħolqu ħażna strateġika ta' mediċini kritiċi tal-kanċer.


Rakkomandazzjonijiet ewlenin oħra fir-rapport jinkludu:


  • li jiġi garantit id-"Dritt li tkun Minsi" (li permezz tiegħu l-assiguraturi u l-banek m'għandhomx iqisu l-istorja medika ta' persuni affettwati mill-kanċer) lill-pazjenti tal-UE kollha għaxar snin wara tmiem it-trattament tagħhom (u mhux aktar minn ħames snin għall-pazjenti li kienu ġew dijanjostikati qabel l-età ta' 18-il sena);
  • li jiżdiedu kanċers oħrajn (minbarra dak tas-sider, ċervikali u tal-musrana) mal-Iskema l-ġdida appoġġata mill-UE għall-Iskrinjar tal-Kanċer;
  • li jiġi żgurat li s-sistema farmaċewtika tkun aktar trasparenti, speċjalment fir-rigward ta' komponenti tal-ipprezzar, il-kriterji ta' rimborż u l-prezzijiet netti tal-mediċini f'pajjiżi Ewropej differenti.

Id-dibattitu finali seħħ fil-plenarja t-Tlieta - ara siltiet mid-dibattitu u d-dibattitu sħiħ.

L-isfond


Il-Kumitat Speċjali tal-Parlament għall-Ġlieda kontra l-Kanċer (BECA) inħoloq f'Ġunju 2020 u temm il-mandat tiegħu fit-23 ta' Diċembru 2021. Il-kumitat organizza proċess ta' konsultazzjoni mingħajr preċedent permezz ta' sensiela ta' seduti ta' smigħ pubbliċi. Il-Membri skambjaw ukoll il-fehmiet tagħhom ma' parlamenti nazzjonali u ma' organizzazzjonijiet u esperti internazzjonali. It-tagħlimiet prinċipali li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika li saret mill-BECA fuq l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kura tal-kanċer fl-UE wkoll ġew inkorporati fir-rapport.