L-invażjoni tal-Ukrajna: il-MPE jappellaw għal risposta aktar iebsa lir-Russja 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-MPE jitolbu li jsir progress biex l-Ukrajna tingħata l-istatus ta' kandidat tal-UE
  • L-UE għandha tillimita l-importazzjoni tal-aktar prodotti importanti għall-esportazzjoni Russa, bħaż-żejt u l-gass
  • Is-sanzjonijiet għandhom idgħajfu b'mod strateġiku lill-ekonomija u lill-industrija tar-Russja.
  • L-Ukrajna għandha tingħata armi difensivi b'mod aktar rapidu
  • Il-projbizzjoni mis-sistema SWIFT għandha tiġi estiża għall-Belarussja

Wara l-invażjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-MPE talbu sanzjonijiet eħrex fil-konfront tar-Russja u sforzi ġodda biex l-Ukrajna tingħata l-istatus ta' kandidat tal-UE.

F'riżoluzzjoni adottata nhar it-Tlieta, il-Parlament ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-invażjoni illegali Russa tal-Ukrajna u jitlob lill-Kremlin biex itemm l-attivitajiet militari kollha fil-pajjiż. It-test jiddenunzja wkoll ir-rwol tad-dittatur tal-Belarussja, Aliaksandr Lukashenka, fl-attakk.


Il-MPE jirrifjutaw b'mod kategoriku r-"retorika Russa li tagħmel referenza għall-possibbiltà ta' rikors għal armi ta' qerda massiva", filwaqt li jfakkru lir-Russja fl-obbligi internazzjonali tagħha u jwissu dwar il-perikli ta' eskalazzjoni nukleari tal-kunflitt.


Jistiednu wkoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu aktar għajnuna umanitarja ta' emerġenza lill-Ukrajna, f'kooperazzjoni mal-aġenziji umanitarji tan-NU u ma' organizzazzjonijiet sħab internazzjonali oħra.


It-test ġie approvat bi 637 vot favur, 13 kontra u 26 astensjoni.

Ħidma biex l-Ukrajna tingħata l-istatus ta' kandidat tal-UE

Ir-riżoluzzjoni tistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu biex jagħtu lill-pajjiż l-istatus ta' kandidat għall-UE. Kwalunkwe proċedura ta' dan it-tip għandha tkun f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u abbażi tal-mertu, jgħid it-test. Sadanittant, l-UE għandha tkompli taħdem lejn l-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq uniku tal-UE skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-seħħ bejn l-UE u l-Ukrajna.


Sanzjonijiet eħrex fil-konfront tar-Russja


Filwaqt li jilqgħu l-adozzjoni rapida tas-sanzjonijiet tal-UE, il-MPE jridu jaraw miżuri restrittivi usa' mmirati biex idgħajfu b'mod strateġiku l-ekonomija u l-bażi industrijali Russa.


B'mod partikolari, l-importazzjonijiet tal-aktar prodotti importanti għall-esportazzjoni Russa, bħaż-żejt u l-gass, għandhom ikunu limitati. L-investiment il-ġdid tal-UE fir-Russja u l-investiment il-ġdid Russu fl-UE għandhom jiġu pprojbiti. Għandhom jiġu mblukkati l-banek Russi kollha mis-sistema finanzjarja Ewropea u r-Russja għandha tkun ipprojbita mis-sistema SWIFT.


Sensiela ta' sanzjonijiet, fosthom il-projbizzjoni mis-sistema SWIFT, għandhom jiġu estiżi għall-Belarussja minħabba l-appoġġ dirett tagħha għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna.



Forniment ta' armi, protezzjoni tar-rifuġjati


Barra minn hekk, it-test jistieden lill-UE tforni lill-Ukrajna armi difensivi b'mod aktar rapidu, f'konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jippermetti awtodifiża individwali u kollettiva. Jirrakkomanda wkoll li tiżdied il-kooperazzjoni dwar l-intelligence mal-Ukrajna rigward l-aggressjoni li għaddejja.


Il-Parlament jilqa' l-impenn tal-UE li tattiva d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, sabiex tipprovdi aċċess immedjat għall-protezzjoni lill-Ukreni kollha li qed jaħarbu mill-gwerra. Ir-responsabbiltà għall-akkoljenza tar-rifuġjati li jaslu fil-fruntieri esterni tal-UE għandha tinqasam b'mod ugwali bejn il-pajjiżi tal-UE.

Sanzjonijiet immirati kontra individwi, tmiem tal-"viżi tad-deheb" lir-Russi sinjuri


Il-MPE jitolbu għall-adozzjoni rapida ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi responsabbli għal korruzzjoni ta' livell għoli fir-Russja u l-Belarussja kif ukoll kontra oligarki u uffiċjali qrib it-tmexxija tal-pajjiżi.


L-UE u l-pajjiżi alleati bi skemi ta' residenza b'investiment (l-hekk imsejħa "viżi tad-deheb") għandhom jirrevedu l-benefiċjarji kollha ta' tali status ta' residenza u jirrevokaw dawk mogħtija lil individwi Russi ta' valur nett għoli u l-familji tagħhom, b'mod partikolari dawk marbuta ma' individwi u kumpaniji sanzjonati, jgħid it-test.