Hemm bżonn ta’ aktar azzjoni mill-UE għal provvista sikura tal-ikel 

 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE qed jappellaw biex l-Ukrajna tingħata għajnuna alimentari u li l-UE ssir aktar indipendenti fil-produzzjoni tal-ikel  
  • L-Ukrajna teħtieġ għajnuna alimentari robusta
  • It-twaqqif ta’ kurituri tal-ikel lejn u mill-Ukrajna
  • L-UE għandha tiddiversifika s-sorsi tal-importazzjonijiet tal-ikel tagħha
  • Il-ħtieġa li l-UE tagħti spinta lill-produzzjoni agrikola domestika
  • Għajnuna meħtieġa għall-bdiewa affettwati tal-UE

Il-Parlament jitlob għajnuna alimentari immedjata u sostanzjali lill-Ukrajna u lill-UE biex tagħmel il-produzzjoni tal-ikel tagħha aktar indipendenti.

Riżoluzzjoni dwar il-ħtieġa għal pjan ta’ azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-UE u barra minnha wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna ġiet adottata nhar il-Ħamis bi 413-il vot favur, 120 kontra u 49 astensjoni. Fit-test, il-MPE jappellaw għal għajnuna immedjata fil-forma ta’ provvisti tal-ikel għall-Ukrajna, u għal irkupru tal-istrateġija tal-UE għall-produzzjoni tal-ikel.


Għajnuna alimentari għall-poplu Ukren

Minħabba l-impatt serju li l-attakk Russu fuq l-Ukrajna se jkollu fuq is-sigurtà tal-ikel għall-Ukreni, il-Parlament jappella għal għajnuna alimentari umanitarja robusta fit-tul għall-Ukrajna kemm mill-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali. L-UE għandha tiftaħ ukoll kurituri tal-ikel lejn u mill-Ukraina, li jservu bħala alternattiva għall-portijiet magħluqa tal-Baħar l-Iswed. Il-bdiewa Ukraini għandhom jingħataw ukoll żrieragħ, fjuwil, u fertilizzanti skarsi.


UE aktar indipendenti

Il-MPE jgħidu li l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna għamluha ċara li l-UE jeħtieġ li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet minn ftit wisq fornituri. Huma jappellaw għal diversifikazzjoni tal-provvista minn pajjiżi terzi, u jeħtieġu fuq medda qasira ta’ żmien li l-Kummissjoni tivvaluta kif tista’ ttaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-fertilizzanti fuq il-bdiewa. Biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti fit-tul, il-Parlament jipproponi bidla għal sorsi organiċi alternattivi ta’ nutrijenti għall-agrikoltura u appoġġ għall-innovazzjoni agrikola.


Żieda fil-produzzjoni tal-UE u għajnuna għall-bdiewa

Minħabba t-tfixkil fl-importazzjonijiet agrikoli, il-MPE jitolbu żieda fil-produzzjoni domestika tal-ikel. L-art agrikola għandha tintuża biss għall-produzzjoni tal-ikel u l-għalf. Biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet immedjati, il-MPE jridu li jkun possibbli għall-bdiewa li jużaw art mistrieħa għall-produzzjoni ta’ għelejjel tal-proteina fl-2022. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll appoġġ għas-setturi l-aktar milquta u għandha timmobilizza r-riżerva għall-kriżijiet ta’ EUR 479 miljun. L-Istati Membri għandhom ukoll, skont il-MPE, jitħallew jagħtu għajnuna mill-Istat wiesgħa, rapida u flessibbli lill-operaturi fis-suq agrikolu.