Reviżjoni tat-Trattati meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proposti tal-Konferenza, jgħid il-Parlament 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-MPE jilqgħu l-eżitu ambizzjuż u kostruttiv tal-Plenarja tal-Konferenza
  • Il-Parlament għandu jħejji proposti speċifiċi biex jibda r-reviżjoni tat-testi fundaturi tal-UE
  • Aktar integrazzjoni f’oqsma bħall-enerġija, id-difiża, l-istituzzjonijiet tal-UE, it-tkabbir inklużiv u reżiljenti
  • Id-dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva għall-Parlament u t-tmiem tal-unanimità fil-Kunsill huma meħtieġa
  • Il-MPE lesti li jagħmlu l-parti tagħhom biex jiżguraw li l-aspettattivi taċ-ċittadini jintlaħqu

Il-MPE jappoġġaw il-proposti ambizzjużi magħmula miċ-ċittadini tal-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa biex l-UE tiġi riformata b’mod profond.

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar is-segwitu għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, b’turija tal-idejn.


Il-Parlament jirrikonoxxi li l-“proposti ambizzjużi u kostruttivi” li ħarġu mill-Konferenza jeħtieġu bidliet fit-Trattati, pereżempju fir-rigward ta’ UE aktar sempliċi, aktar trasparenti, aktar responsabbli u aktar demokratika. Għal dan il-għan, il-PE jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali biex iħejji proposti għar-riforma tat-Trattati tal-UE, li jistgħu jseħħu permezz ta’ Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’dan il-proċess, l-UE għandha timxi lejn mudell ta’ tkabbir sostenibbli, inklużiv u reżiljenti, b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-SMEs, jgħidu l-MPE, li jitolbu li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġi implimentat bis-sħiħ. Huma jappellaw ukoll li l-UE jkollha rwol ewlieni fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-promozzjoni tas-sostenibbiltà fil-livell dinji. Il-MPE jenfasizzaw ukoll li integrazzjoni politika aktar profonda u demokrazija ġenwina jistgħu jinkisbu permezz ta’ dritt ta’ inizjattiva leġiżlattiva għall-Parlament u billi tintemm l-unanimità fil-Kunsill.


Eżerċizzju mingħajr preċedent fid-demokrazija parteċipattiva

Matul id-dibattitu tat-Tlieta, il-maġġoranza l-kbira tal-MPE enfasizzaw li l-aspettattivi, il-prijoritajiet u t-tħassib taċ-ċittadini nstemgħu b’mod qawwi u ċar f’dan l-eżerċizzju mingħajr preċedent fid-demokrazija parteċipattiva u li r-riżultat jeħtieġ li jiġi rrispettat.


Ħafna enfasizzaw li ċ-ċittadini jeħtieġ li jkunu involuti aktar flimkien ma’ rappreżentanza demokratika aktar b’saħħitha fil-livell tal-UE. Oħrajn indikaw oqsma speċifiċi fejn il-proposti mmexxija miċ-ċittadini jitolbu bidliet profondi, inklużi elezzjonijiet verament Ewropej kif ukoll setgħat ġodda tal-UE f’oqsma bħas-saħħa, l-enerġija, il-migrazzjoni u d-difiża. Xi kelliema kkritikaw il-Konferenza, u argumentaw li l-proċess kien difettuż u li l-proposti ma jirriflettux l-opinjoni pubblika.


Il-passi li jmiss

F’Jum l-Ewropa (9 ta’ Mejju), it-tliet Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv se jippreżentaw ir-rapport finali tal-Konferenza lill-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE f’ċerimonja tal-għeluq fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.


Tagħrif ta’ sfond

Il-Plenarja tal-Konferenza adottat id-49 proposta tagħha fit-30 ta’ April 2022. Dawn jinkludu aktar minn 300 miżura li jirrigwardaw 9 temi u kienu bbażati fuq 178 rakkomandazzjoni mill- Panels taċ-Ċittadini Ewropej, kontributi mill-Panels Nazzjonali u avvenimenti, ideat mill- Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ, u 43 734 kontribuzzjoni fuq 16 274 idea rreġistrati fuq il-pjattaforma diġitali multilingwi.