Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: avveniment tal-għeluq fi Strasburgu 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza se jiġi ppreżentat lill-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE waqt avveniment tal-għeluq fid-9 ta’ Mejju fi Strasburgu.

F’Jum l-Ewropa, tliet Kopresidenti tal-Bord Eżekuttiv se jippreżentaw rapport finali tal-Konferenza lill-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE. Matul l-avveniment, il-President Metsola, il-President von der Leyen u l-President Macron se jagħmlu d-diskorsi tagħhom flimkien ma’ diskorsi minn ċittadini mill-Panels Nazzjonali u Ewropej u mill-Kopresidenti tal-Konferenza. Huma ppjanati wkoll prestazzjonijiet kulturali minn Danse l’Europe u l-orkestra taż-żgħażagħ DEMOS.


Minbarra mill-449 Membru tal-Plenarja (li jinkludi 108 ċittadin), ser ikunu mistiedna wkoll 120 membru tal-Bord taċ-Ċittadini Ewropej u 200 ċittadin minn skejjel lokali u studenti tal-Erasmus.


Il-Ministri għall-Affarijiet Ewropej u mistiedna VIP oħra ser jipparteċipaw ukoll fiċ-ċerimonja.


Meta: It-Tnejn 9 ta’ Mejju, 12:00–14:00

Fejn: Il-Parlament Ewropew fi Strasburgu


Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Mejju fl-10:00 ta’ filgħodu CET, ser issir laqgħa ta’ informazzjoni teknika mar-rappreżentanti tas-Segretarjat Komuni tal-Konferenza fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea. Il-briefing se jkun off the record, bl-Ingliż u bil-Franċiż biss. Għal aktar informazzjoni u l-link biex tipparteċipa b’mod remot, ibgħat email lil Celia.DEJOND@ec.europa.eu.


Tagħrif ta’ sfond

Waqt laqgħa finali, li saret mid-29 ta’ April sat-30 ta’ April fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-Plenarja tal-Konferenza laħqet kunsens dwar l-abbozz ta’ proposti finali tagħha. Id-49 proposta, dwar disa’ temi, jinkludu aktar minn 300 miżura. Dawn huma bbażati fuq rakkomandazzjonijiet mill-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, il-Panels u l-avvenimenti Nazzjonali taċ-Ċittadini, ideat irreġistrati fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi kif ukoll diskussjonijiet li saru matul is-sessjonijiet Plenarji tal-Konferenza u tas-sessjonijiet tal-Gruppi ta’ Ħidma.


Il-passi li jmiss

It-tliet istituzzjonijiet ser jeżaminaw malajr kif isegwu b’mod effettiv dan ir-rapport, kull wieħed fl-isfera tal-kompetenzi tiegħu stess.