Tibdil fil-klima: Il-Parlament jinsisti għal azzjoni tal-UE aktar rapida u għall-indipendenza enerġetika 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Ir-riforma tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet: tneħħija aktar malajr tal-kwoti bla ħlas għall-industriji u l-inklużjoni aktar tard taċ-ċittadini fl-ETS II
  • Kamp ta' applikazzjoni usa' u implimentazzjoni aktar rapidafl-istrument il-ġdid tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju
  • Fond Soċjali għall-Klima biex jiġġieled kontra l-faqar enerġetiku u dak tal-mobbiltà
Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima timpenja lill-UE biex issir newtrali għall-klima sal-2050 ©Kampan/Adobe stock  

Il-MPE adottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar tliet abbozzi ta' liġijiet biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030.

Wara dibattitu fil-plenarja fis-7 ta’ Ġunju, il-Parlament adotta l-Erbgħa il-pożizzjoni tiegħu dwar tliet liġijiet ewlenin tal-UE li huma parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55% fl-2030". Dan huwa l-pjan tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u li tikseb emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti (newtralità klimatika) sal-2050, skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-Parlament issa huwa lest li jibda negozjati mal-gvernijiet tal-UE dwar il-liġijiet finali.

Il-pakkett adottat illum huwa pass importanti lejn l-għan tal-UE li ssir indipendenti mill-fjuwils fossili għoljin u li jniġġsu mir-Russja ferm qabel l-2030.

Ir-riforma tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet

Il-Parlament irid jinċentivizza l-industriji sabiex ikomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u jinvestu f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Is-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għandha tiġi riformata, inkluż:

  • ETS II ġdida għall-bini u t-trasport bit-triq - iċ-ċittadini ma għandhomx jiġu inklużi qabel l-2029
  • Il-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandha tiżdied minn 61% għal 63%
  • Il-kwoti bla ħlas għandhom jibdew jitneħħew b'mod gradwali mill-2027 sakemm jispiċċaw kompletament fl-2032
  • Għandha tiġi introdotta sistema ta' bonus-malus mill-2025
  • Id-dħul għandu jintuża esklussivament għall-azzjoni klimatika fl-UE u fl-istati membri.

Għal aktar dettalji, dalwaqt se tkun disponibbli stqarrija għall-istampa separata hawnhekk.

Ambizzjoni akbar fl-istrument il-ġdid tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju

Il-Membri tal-PE jappellaw għal kamp ta' applikazzjoni usa' u implimentazzjoni aktar rapida tal-Mekkaniżmu tal-UE ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera (CBAM) biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tiżdied l-ambizzjoni klimatika globali, inkluż:

  • Li jiddaħħal is-CBAM aktar kmieni u jitwaqqfu l-kwoti bla ħlas fl-EU ETS sal-2032;
  • Il-kamp ta' applikazzjoni għandu jiġi estiż biex jinkludi s-sustanzi kimiċi organiċi, il-plastik, l-idroġenu u l-ammonia, kif ukoll l-emissjonijiet indiretti;
  • Ammont ekwivalenti għad-dħul mis-CBAM għandu jintuża mill-baġit tal-UE biex jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika fil-pajjiżi l-anqas żviluppati;
  • Il-ħtieġa għal awtorità ċentralizzata tas-CBAM tal-UE.

Għal aktar dettalji, ara l-istqarrija għall-istampa separata li se tkun disponibbli dalwaqt.

Fond Soċjali għall-Klima biex jiġġieled kontra l-faqar enerġetiku u dak tal-mobbiltà

Il-Parlament jaqbel li jistabbilixxi Fond Soċjali għall-Klima (SCF) biex jgħin lil dawk l-aktar milquta mill-faqar enerġetiku u dak tal-mobbiltà jlaħħqu maż-żieda fl-ispejjeż tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-Fond għandu jappoġġa

  • Miżuri temporanji ta' appoġġ dirett għad-dħul (bħal tnaqqis fit-taxxi u fit-tariffi tal-enerġija) biex tiġi indirizzata ż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport bit-triq u tal-fjuwil għat-tisħin;
  • Investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini, l-enerġija rinnovabbli u bidla mit-trasport privat għal dak pubbliku, il-car-pooling u l-car-sharing u l-użu ta' modi attivi ta' trasport biex in-nies imorru minn post għal ieħor, bħaċ-ċikliżmu. Il-miżuri jistgħu jinkludu inċentivi fiskali, vawċers, sussidji jew self mingħajr imgħax.

Għal aktar dettalji, ara l-istqarrija għall-istampa separata disponibbli hawn.

Il-Parlament adotta wkoll il-pożizzjoni tiegħu dwar

Standards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet

Is-settur tal-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF)

Emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’setturi oħra (kondiviżjoni tal-isforzi)

It-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet fis-settur ta’ l-avjazzjoni

Riżerva ta’ Stabbiltà tas-Suq