L-Istat tal-UE: L-Ukrajna, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, l-ekonomija  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-President tal-Kummissjoni von der Leyen u l-MPE ddiskutew l-Istat tal-Unjoni Ewropea fi Strasburgu llum © Unjoni Ewropea 2022  

Fid-dibattitu annwali dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, il-MPE saqsew lill-President von der Leyen dwar il-ħidma tal-Kummissjoni f’din l-aħħar sena u l-pjanijiet li jmiss tagħha.

Waqt il-ftuħ tad-dibattitu, il-President tal-PE Roberta Metsola qalet: “Huwa unur speċjali li għandna Olena Zelenska magħna f’din il-ġurnata importanti. Ninsabu f’kuntest allarmanti ta’ invażjoni illegali u mhux ġustifikabbli tal-Ukrajna sovrana, inflazzjoni għolja, żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-elettriku, katastrofu klimatiku, nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u żieda fl-għoli tal-ħajja. Illum il-messaġġ tagħna għandu jkun li “l-Ewropa ser tirrispondi”.


Dwar il-gwerra kontra l-Ukrajna, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen qalet: “Putin se jfalli u l-Ewropa se tipprevali.” Hija żiedet li s-sanzjonijiet kontra r-Russja “huma hawn biex jibqgħu.” Is-Sinjura von der Leyen ħabbret EUR 100 miljun biex jiġu riparati l-iskejjel Ukreni kif ukoll biex l-Ukrajna tiddaħħal fiż-żona tar-roaming bla ħlas tal-UE u fis-Suq Uniku.


Dwar il-prezzijiet dejjem jogħlew tal-enerġija, il-Kummissjoni ser tressaq miżuri għall-Istati Membri biex inaqqsu l-konsum tal-elettriku tagħhom u ser tipproponi limitu fuq id-dħul ta’ kumpaniji li jipproduċu l-elettriku bi spiża baxxa biex jiġbru aktar minn EUR 140 biljun biex itaffu l-impatt għaċ-ċittadini. Hija ħabbret ukoll riforma tas-suq tal-elettriku.  Von der Leyen għamlitha ċara li Putin huwa esklussivament responsabbli għall-kriżi attwali tal-enerġija u ż-żidiet fil-prezzijiet.


Dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-President von der Leyen wegħdet li l-Panels taċ-Ċittadini issa se jsiru karatteristika regolari u li wasal il-mument għal Konvenzjoni Ewropea.


Suġġetti oħra li l-President tal-Kummissjoni semmiet jinkludu l-ġlieda kontra l-indħil barrani biex nipproteġu d-demokraziji tagħna, kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ pajjiżi bħaċ-Ċilì, il-Messiku, New Zealand, l-Awstralja u l-Indja, u proposti għal Fond Ewropew għas-Sovranità, Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika, Bank Ewropew tal-Idroġenu u Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs.


Tista ‘tara d-diskors sħiħ tagħha hawn (parti 1, parti 2, parti 3, parti 4).


Interventi mill-mexxejja tal-gruppi politiċi


Manfred Weber (PPE, DE) ħeġġeġ għal “xitwa ta’ solidarjetà”: “Nistgħu negħlbu lil Putin u nbaxxu l-kontijiet tad-dawl tan-nies”. Dwar il-proposti l-ġodda dwar l-enerġija, huwa ddeplora r-rwol imnaqqas tal-Parlament u ddispjaċih għan-nuqqas ta’ tmexxija tal-Kunsill. Huwa talab ukoll għal moratorju fuq leġiżlazzjoni ġdida biex jiġi evitat piż addizzjonali fuq il-bdiewa u l-SMEs. Fl-aħħar nett, huwa enfasizza li “m’hemm l-ebda sforz biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet ta’ difiża tal-UE” u appella lill-“Kummissjoni biex tniedi, qabel Diċembru, pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża”.


L-impenn tal-UE għal-libertà u l-integrità tal-Ukrajna għandu jkun sod, iżda minbarra li niċċelebraw ir-rebħiet, jeħtieġ li nappoġġaw lil dawk li qed ibatu mill-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra, qalet Iratxe García (S&D, ES). “Jekk le, se naraw il-populiżmu jikber”, hija wissiet. Is-Sinjura García laqgħet il-proposti ta’ emerġenza fil-qasam tal-enerġija, b’mod partikolari l-użu tal-profitti straordinarji tal-kumpaniji tal-enerġija, għaliex “mhuwiex aċċettabbli li xi wħud isiru miljunarji għad-detriment tat-tbatija tal-familji”.


Stéphane Séjourné (Renew, FR), iddikjara li l-ġlieda tal-Ukraina “hija ġlieda għall-valuri tal-Ewropa, hija l-ġlieda tagħna, il-ġlieda għall-istat tad-dritt kontra l-liġi tal-aktar b’saħħtu”. Huwa qal li l-UE għandha l-mezzi biex tirreaġixxi malajr u b’mod effettiv għall-konsegwenzi tal-gwerra fuq iċ-ċittadini Ewropej. Huwa esprima appoġġ għal miżuri biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija u appella biex “id-dipendenzi kollha tagħna, fuq l-ikel, il-materja prima, is-saħħa, l-infrastrutturi diġitali u tad-difiża” jitnaqqsu. Huwa kkonkluda li l-politiki pubbliċi għandhom ikunu allinjati mal-objettiv tal-awtonomija strateġika.


“Irridu nkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna u saħansitra nżidu dawk l-isforzi”, insistiet Ska Keller (Verts/ALE, DE). Madankollu, jeħtieġ li tiżdied ukoll is-solidarjetà fi ħdan l-UE. “Irridu niżguraw li l-ispejjeż ta’ dawn iż-żminijiet jinġarru minn dawk bl-usa’ spallejn”, hija enfasizzat. “Fl-aħħar mill-aħħar, l-uniku mod biex tittaffa’ l-kriżi huwa li nużaw inqas enerġija u aktar enerġija rinnovabbli”. Is-Sinjura Keller talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li “l-ebda flus ma jitħallsu lill-Polonja u lill-Ungerija sakemm ma jirritornawx fit-triq tal-istat tad-dritt.”


Marco Zanni (ID, IT) qies li l-miżuri proposti “m’humiex qrib biżżejjed biex iwasslu għajnuna konkreta lil dawk li qed ibatu llum”. “Il-limitu fuq il-prezz tal-gass — l-unika miżura li b’xi mod se tgħin liċ-ċittadini u lin-negozji (...) — għadha qed tiġi diskussa”. Is-Sur Zanni ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis li “d-dinja nbidlet mill-2019” u li ċerti politiki m’għadhomx vijabbli, peress li la għenu biex tiġi protetta l-klima u lanqas biex tinkiseb tranżizzjoni industrijali u soċjoekonomika.


Raffaele Fitto (ECR, IT) appella biex l-Alleanza Atlantika tkompli tissaħħaħ u biex jinżammu s-sanzjonijiet, li huma l-uniku mezz biex jinkisbu r-riżultati. Madankollu, huwa enfasizza l-ħtieġa li “tiġi żgurata unità vera” fl-UE biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati “żewġ kwistjonijiet kbar: dik tal-enerġija u dik ta’ appoġġ għall-familji u n-negozji”. Għandna bżonn tweġibiet ċari, huwa insista fuq “il-limitu massimu fuq il-prezz tal-gass u d-diżakkoppjament tal-prezz bejn il-gass u l-enerġija”.


Manon Aubry (ix-Xellug, FR) enfasizzat li ċ-ċittadini ma jistgħux iħallsu aktar il-kontijiet tagħhom. “Is-salarji staġnaw filwaqt li l-prezzijiet ogħlew bl-inflazzjoni u wkoll l-ispejjeż tal-enerġija, iżda d-dividendi żdiedu u l-biljunarji qed jużaw il-ġettijiet privati tagħhom”, hija ddeplorat. Is-Sinjura Aubry laqgħet it-taxxa fuq il-profitti żejda mħabbra għall-kumpaniji tal-enerġija, billi qalet li l-grupp tagħha dejjem kien l-uniku wieħed li talab għal tali taxxa, li jeħtieġ li titħallas mill-intrapriżi kollha li jibbenefikaw mill-kriżijiet.


Tista’ tara d- dibattitu sħiħ hawnhekk.