Iċ-ċarġer komuni għall-apparati mobbli tant mistenni se jsir realtà fl-2024  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Apparat mobbli ġdid fis-suq tal-UE se jkollu jinkludi port tal-iċċarġjar USB-C sa tmiem l-2024 © PheelingsMedia/Adobe Stock  
  • Ċarġer komuni wieħed għall-mowbajls u t-tablets kollha - ta' vantaġġ għall-ambjent u għall-konsumaturi
  • Il-port USB tat-Tip C se jkun l-istandard il-ġdid għall-apparat portabbli, u joffri ċċarġjar u trasferimenti ta' data ta' kwalità għolja
  • Il-bejjiegħa se jkunu jistgħu jagħżlu jekk jixtrux apparat ġdid b'ċarġer jew mingħajru

Wara l-approvazzjoni tal-Parlament, il-konsumaturi tal-UE dalwaqt se jkunu jistgħu jużaw soluzzjoni waħda biex jiċċarġjaw l-apparat elettroniku tagħhom.

Sa tmiem l-2024, il-mowbajls, it-tablets u l-kameras kollha mibjugħa fl-UE jrid ikollhom port tal-USB tat-Tip C. Mir-rebbiegħa tal-2026, dan l-obbligu se jiġi estiż għal-laptops. Il-liġi l-ġdida, adottata mill-plenarja nhar it-Tlieta b'602 vot favur, 13 kontra u 8 astensjonijiet, hija parti minn sforz usa' tal-UE li jitnaqqas l-e-skart u li tingħata iżjed setgħa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aktar sostenibbli.

Bir-regoli l-ġodda, il-konsumaturi mhux se jkollhom bżonn ċarġer differenti kull darba li jixtru apparat ġdid, billi se jkunu jistgħu jużaw ċarġer wieħed għal firxa wiesgħa ta’ apparat elettroniku portabbli żgħir u medju tagħhom.

Ikun min ikun il-manifattur tagħhom, il-mowbajls, it-tablets, il-kameras diġitali, il-headphones u l-headsets, il-consoles handheld tal-logħob u l-ispeakers portabbli, l-e-readers, it-tastieri, il-mice, is-sistemi ta' navigazzjoni portabbli, l-earbuds u l-laptops ġodda kollha li jistgħu jiġu ċċarġjati b'wajer li jopera b'elettriku sa 100 Watt, irid ikollhom port tal-USB tat-Tip C.

L-apparat kollu li għandu l-faċilità li jiċċarġja malajr issa se jkollu l-istess veloċità tal-iċċarġjar. Dan jippermetti lill-utenti jiċċarġjaw l-apparat tagħhom bl-istess veloċità bi kwalunkwe ċarġer kompatibbli.

Kwotazzjoni

 

Ir-rapporteur tal-Parlament Alex Agius Saliba (Grupp S&D, MT) qal: "Iċ-ċarġer komuni fl-aħħar se jsir realtà fl-Ewropa. Stennejna aktar minn għaxar snin għal dawn ir-regoli, iżda fl-aħħar se nkunu nistgħu neħilsu mill-pletora attwali ta’ ċarġers li għandna. Din il-liġi ser tippermetti l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi tal-iċċarġjar fil-futur, u se tibbenefika lil kulħadd — mill-konsumaturi iffrustrati sal-ambjent vulnerabbli tagħna. Dawn huma żminijiet diffiċli għall-politika, iżda wrejna li l-UE għad għandha ideat u soluzzjonijiet biex ittejjeb il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies fl-Ewropa u tispira partijiet oħra tad-dinja biex jagħmlu l-istess."

Imħeġġa l-innovazzjoni teknoloġika

Waqt li l-iċċarġjar mingħajr wajer qed isir aktar prevalenti, il-Kummissjoni Ewropea se jkollha tarmonizza l-ħtiġijiet tal-interoperabbiltà sa tmiem l-2024, biex tevita li jkun hemm impatt negattiv fuq il-konsumaturi u l-ambjent. Dan se jwaqqaf ukoll l-effett teknoloġiku msejjaħ "lock-in", meta konsumatur isir dipendenti fuq manifattur wieħed.

Informazzjoni u għażla aħjar għall-konsumaturi

Tabelli apposta se jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-karatteristiċi tal-iċċarġjar tal-apparat il-ġdid, u b'hekk jagħmluha aktar faċli għalihom biex jaraw jekk iċ-ċarġers eżistenti tagħhom humiex kompatibbli. Il-bejjiegħa se jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata wkoll dwar jekk għandhomx jixtru apparat tal-iċċarġjar ġdid meta jixtru prodott ġdid.

Dawn l-obbligi l-ġodda se jwasslu għal aktar użu mill-ġdid ta' ċarġers u se jgħinu lill-konsumaturi jiffrankaw sa 250 miljun euro kull sena fuq xiri bla bżonn ta' ċarġers. Ċarġers mormija u mhux użati jammontaw għal madwar 11 000 tunnellata ta' e-skart kull sena fl-UE.

Konferenza stampa

Illum, mis-14.30 CEST, ir-rapporteur se jinforma lill-ġurnalisti dwar l-eżitu tal-votazzjoni fil-plenarja finali u l-passi li jmiss. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar kif tista’ ssegwi.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill irid japprova d-Direttiva formalment qabel ma tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Din tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha. L-Istati Membri mbagħad se jkollhom 12-il xahar biex jittrasponu r-regoli u 12-il xahar biex japplikawhom wara li jintemm il-perjodu ta' traspożizzjoni. Ir-regoli l-ġodda mhux se japplikaw għal prodotti mqiegħda fis-suq qabel id-data ta' applikazzjoni.

Il-kuntest

F'dan l-aħħar deċennju, il-Parlament ripetutament appella għall-introduzzjoni ta' ċarġer komuni. Minkejja sforzi preċedenti għal kollaborazzjoni mal-industrija biex jitnaqqas in-numru ta' ċarġers tal-mowbajl, miżuri volontarji ma rnexxilhomx iwasslu għal riżultati konkreti għall-konsumaturi tal-UE. Il-proposta leġiżlattiva finalment tressqet mill-Kummissjoni fit-23 ta' Settembru 2021.