Il-MPE jappellaw għal żieda massiva fl-assistenza militari lill-Ukraina  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jappellaw lill-komunità internazzjonali biex tikkundanna t-tentattiv tar-Russja li takkwista territorju bil-forza ©Juan Barreto/AFP  
  • Referenda fittizji mwettqa taħt it-theddida tal-armi huma “nulli u bla effett”
  • It-theddid Russu għall-użu tal-armi nukleari mhux ser jiskoraġġixxi lill-UE milli tagħti aktar assistenza lill-Ukraina
  • Appell għal tribunal internazzjonali ad hoc għad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina
  • L-inċident tan-Nord Stream juri li l-infrastruttura kritika Ewropea teħtieġ aktar protezzjoni

Il-MPE jħeġġu l-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jikkundannaw b’mod inekwivoku r-referenda fittizji fl-Ukraina u t-tentattiv tar-Russja li tirbaħ territorju bil-forza.

F’riżoluzzjoni adottata l-Ħamis, il-MPE jgħidu li r-riżultati tar-referenda fittizji li saru taħt it-theddida tal-armi biex jiġu annessi l-oblasts ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk, u Zaporizhzhia huma “nulli u bla effett” u jappellaw lill-Istati Membri biex jadottaw sanzjonijiet severi addizzjonali.


Żieda fl-assistenza militari lill-Ukraina


Bil-kuraġġ tal-poplu Ukrain li jiddefendi lil pajjiżu u l-valuri Ewropej tiegħu, il-MPE jħeġġu lill-istati membri tal-UE u lil pajjiżi oħra li jappoġġjaw lill-Ukraina biex iżidu bil-kbir l-assistenza militari tagħhom, b’mod partikolari fl-oqsma mitluba mill-gvern tal-Ukraina. L-istati membri “eżitanti” għandhom jipprovdu s-sehem ġust tagħhom tal-assistenza militari meħtieġa, li ser tgħin biex titqassar il-gwerra.


It-theddid Russu reċenti għall-użu tal-armi nukleari huwa irresponsabbli u perikoluż, jwissu l-MPE. Huma jappellaw lill-istati membri u lis-sħab internazzjonali biex iħejju rispons rapidu u deċiżiv jekk ir-Russja twettaq strajk nukleari fuq l-Ukraina. Kwalunkwe tentattiv mir-Russja biex tippreżenta attakki fuq territorji okkupati bħala attakk fuq ir-Russja nnifisha, u b’hekk bħala bażi għal attakk nukleari, huwa illegali u bla bażi u mhux se jiskoraġġixxi lill-Unjoni Ewropea milli tagħti aktar assistenza lill-awtodifiża tal-Ukraina.



Il-MPE jikkundannaw il-mobilizzazzjoni militari fir-Russja u l-miżuri li jobbligaw lir-residenti tat-territorji okkupati temporanjament tal-Ukrajna biex iservu fil-forzi armati jew awżiljarji tar-Russja, att li r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra tipprojbixxi. Sabiex tinżamm l-istabbiltà fin-Nofsinhar tal-Kawkasu u fl-Asja Ċentrali, il-MPE jappellaw ukoll għal aktar appoġġ għall-pajjiżi fir-reġjun li esperjenzaw influss ta’ ċittadini Russi, b’mod partikolari l-Ġeorġja, il-Każakistan, l-Użbekistan, l-Armenja u l-Kirgiżistan.



Protezzjoni aħjar tal-infrastruttura kritika Ewropea


Fir-rigward tal-isplużjonijiet fuq il-pipelines tan-Nord Stream, il-MPE jgħidu li hemm “spekulazzjoni dejjem akbar li kienu riżultat ta’ att koordinat u intenzjonat minn attur tal-istat”. L-isplużjonijiet juru kemm kienet perikoluża l-politika ta’ żieda fid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u li t-trasformazzjoni tal-kummerċ tal-enerġija f’arma ttieħdet għal livell ġdid. Ir-riżoluzzjoni tappella lill-istati membri biex jittrattaw il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea bħala prijorità, biex iżidu r-reżiljenza tagħha kontra attakki esterni, u biex ikomplu jappoġġaw ir-reżiljenza tas-sħab tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Balkani tal-Punent.


Fl-aħħar nett, il-MPE jappellaw għall-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali ad hoc għad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukraina, “fejn Putin u dawk l-uffiċjali ċivili u militari Russi u l-prokuri tagħhom responsabbli għall-kontroll, it-tnedija u t-tmexxija tal-gwerra fl-Ukraina jiġu mħarrka”.

Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’504 vot favur, 26 kontra u 36 astensjoni.