Il-MPE japprovaw regoli ġodda biex jipproteġu l-infrastruttura kritika tal-UE
- Koperti ħdax-il settur essenzjali, fosthom l-infrastruttura diġitali, l-ilma, l-ikel u s-saħħa
- Regoli u definizzjonijiet armonizzati sabiex id-difiżi tal-UE jissaħħu
- Strateġiji nazzjonali ta' reżiljenza u komunikazzjoni bejn il-fruntieri aħjar
Il-Parlament Ewropew adotta liġi ġdida biex jipproteġi l-infrastruttura essenzjali tal-UE b'mod iktar effettiv.
B'595 voti favur, 17 kontra u 24 astensjoni, il-MPE kkonfermaw ftehim mal-Kunsill li jintroduċi regoli minimi għall-valutazzjonijiet tar-riskju u l-istrateġiji nazzjonali ta' reżiljenza. Il-ftehim jarmonizza wkoll id-definizzjoni ta' infrastruttura kritika b'mod li din tkun konsistenti bejn l-Istati Membri.
Kamp ta' applikazzjoni usa' ta' ħdax-il settur importanti
Il-leġiżlazzjoni se tkopri s-setturi li ġejjin: l-enerġija, it-trasport, dak bankarju, l-infrastruttura diġitali, l-ilma għax-xorb u l-ilma mormi, l-ikel (inkluż il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-konsenja), is-saħħa, tal-amministrazzjoni pubblika u l-ispazju. Ir-rekwiżiti li l-atturi meqjusa kritiċi jrid ikollhom biex iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju u r-rapporti se jkunu aktar stretti.
Skont ir-regoli l-ġodda, l-Istati Membri għandhom jadottaw strateġiji ta' reżiljenza nazzjonali u għandu jkun hemm komunikazzjoni bejn il-fruntieri permezz ta' punt ta' kuntatt wieħed li jiġi indikat minn kull Stat Membru. Fl-istess waqt, ir-rappurtar doppju bejn din l-inizjattiva u inizjattivi oħrajn li jagħtu spinta lir-reżiljenza għandu jiġi evitat, u dan biex l-atturi kritiċi ma jkollhomx jiffaċċjaw obbligi amministrattivi li mhumiex neċessarji. Biex jiżguraw it-trasparenza, l-atturi kritiċi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet nazzjonali bi kwalunkwe inċidenti jew tfixkil, u l-awtoritajiet għandhom jinfurmaw lill-pubbliku meta dan ikun fl-interess pubbliku.
Kwotazzjoni
Wara l-votazzjoni, ir-rapporteur Michal Šimečka (Renew, SK) qal:
"Biex l-Ewropa tkun tista' tipproteġi, irridu wkoll insaħħu r-reżiljenza kollettiva tas-sistemi kritiċi li fuqhom jistrieħ l-istil ta’ ħajja tagħna. Bi 11-il settur kruċjali koperti, din il-leġiżlazzjoni se twieġeb kemm għall-isfidi tal-kriżijiet klimatiċi kif ukoll għall-okkorrenza dejjem akbar ta’ sabotaġġ fl-Unjoni Ewropea minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukraina. L-infrastruttura kritika tal-UE għandha tibqa’ reżiljenti kontra dan it-theddid.”
Sfond
Fid-direttiva preċedenti dwar l-infrastruttura kritika, kienu koperti biss l-enerġija u t-trasport. Il-Parlament Ewropew appella għal reviżjoni ta' din id-direttiva f'riżoluzzjoni dwar il-konstatazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu fl-2018. Il-ko-leġiżlaturi żguraw ukoll li l-leġiżlazzjoni tkun konsistenti mad-Direttiva NIS2 dwar iċ-Ċibersigurtà li għadha kif ġiet adottata.
Kuntatti:
-
Janne OJAMO
Press Officer