REPowerEU: Miżuri tal-enerġija li se jiżdiedu fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Miżuri li jiffrankaw l-enerġija, jipproduċu enerġija nadifa, jiddiversifikaw il-provvisti u jappoġġjaw lill-familji
  • L-Istati Membri għandhom jallokaw iktar fondi għall-proġetti tal-enerġija transfruntiera u proġetti li jinvolvu diversi pajjiżi
  • Regoli ta' trasparenza ġodda li jikkonċernaw il-100 destinatarju finali li jirċievu l-ogħla ammont ta' fondi

Approvat l-inklużjoni ta' miżuri tar-REPowerEU fil-pjanijiet nazzjonali biex għal indipendenza mill-fjuwils fossili Russi, it-tranżizzjoni ekoloġika u inqas faqar enerġetiku.

Il-plenarja kkonfermat ftehim milħuq mal-Kunsill f'Diċembru 2022 b'535 vot favur, 63 kontra u 53 astensjoni. Skont il-ftehim, l-Istati Membri li japplikaw biex jirċievu fondi addizzjonali permezz ta' pjan ta' rkupru u reżiljenza emendat ikunu meħtieġa jinkludu miżuri li jiffrankaw l-enerġija, jipproduċu enerġija nadifa u jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija, kif previst fil-pjan REPowerEU tal-UE.

Spinta lill-indipendenza u l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku

Ir-regoli l-ġodda se jkopru l-miżuri b'mod retroattiv, mill-1 ta' Frar 2022, b'xi eċċezzjonijiet limitati. Il-Membri tal-Parlament Ewropew żguraw ruħhom li dawn il-miżuri jkunu maħsuba biex jappoġġjaw lill-investimenti li jindirizzaw il-faqar enerġetiku għall-familji vulnerabbli, l-SMEs u l-mikrointrapriżi.

Il-miżuri transfruntiera, it-trasparenza u l-klima

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ikkonvinċew lill-pajjiżi tal-UE jallokaw minn tal-inqas 30% tan-nefqa tagħhom fil-kuntest tar-REPowerEU għal miżuri li jikkonċernaw diversi pajjiżi, li jindirizzaw konġestjonijiet eżistenti fit-trażmissjoni tal-enerġija, fid-distribuzzjoni jew fil-ħżin tagħha, kif ukoll iżidu l-flussi transfruntiera, anki jekk jitwettqu minn pajjiż tal-UE wieħed waħdu.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew irnexxielhom ukoll jintroduċu regoli ta' trasparenza ġodda li jikkonċernaw il-100 destinatarju finali li jirċievu l-ogħla ammont ta' fondi. Dawn ir-regoli se japplikaw għall-pjanijiet kollha ta' rkupru u ta' reżiljenza.

Il-prinċipju "la tagħmilx ħsara sinifikanti" għandu japplika għall-kapitoli tar-REPowerEU, b'eżenzjonijiet temporanji għall-miżuri li jissalvagwardjaw it-tħassib immedjat tal-UE dwar is-sigurtà tal-enerġija, jimminimizzaw id-dannu ambjentali potenzjali u ma jqegħdux f'periklu l-miri tal-UE fir-rigward tal-klima.

Finanzjament

In-negozjaturi tal-Parlament żguraw li mill-EUR 20 biljun addizzjonali f'għotjiet proposti mill-Kummissjoni, EUR 8 biljun se jiġu minn irkant iktar bikri tal-kwoti tal-emissjonijiet nazzjonali skont is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS), filwaqt li EUR 12-il biljun se jittieħdu mill-Fond għall-Innovazzjoni. Barra minn hekk, l-ebda dħul mill-ETS ma jista' jintuża għal investimenti fil-fjuwils fossili.

Tista' ssib iktar informazzjoni hawnhekk.

Il-passi li jmiss

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija miżura straordinarja, ta' darba, li tinsab fis-seħħ sal-31 ta' Awwissu 2026. Ir-regoli l-ġodda dwar il-miżuri tar-REPowerEU fil-pjanijiet ta' rkupru nazzjonali se jidħlu fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.