Lesti għall-mira ta' 55%: emissjonijiet żero tas-CO2 għal karozzi u vannijiet ġodda fl-2035 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Kontribut akbar tat-trasport bit-triq lejn il-mira tan-newtralità klimatika tal-UE
  • Metodoloġija ġdida li tevalwa l-emissjonijiet tas-CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' vettura
  • Allinjament tal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet mal-emissjonijiet f'sewqan reali

Il-PE approva l-miri ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda, li jagħmlu parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 ".

B'340 vot favur, 279 kontra u 21 astensjoni, il-MPE approvaw il-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar standards riveduti ta' rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi u vannijiet ġodda f'konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-UE.


Il-leġizlazzjoni l-ġdida twitti t-triq għal emissjonijiet żero tas-CO2 għal karozzi tal-passiġġieri ġodda u vetturi kummerċjali ħfief ġodda fl-2035 (mira għall-flotta kollha tal-UE li jitnaqqsu b'100 % l-emissjonijiet tas-CO2 prodotti minn karozzi u vannijiet ġodda meta mqabbel mal-2021). Miri intermedji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 huma stabbiliti għal 55 % għall-karozzi u 50 % għall-vannijiet.

Miżuri ewlenin oħra previsti mir-regolament:


  • Sal-2025, il-Kummissjoni se tippreżenta sal-2025 metodoloġija li tivvaluta u tirrapporta data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-karozzi u l-vannijiet mibjugħa fis-suq tal-UE, akkumpanjata minn proposti leġiżlattivi fejn xieraq;
  • Sa Diċembru 2026, il-Kummissjoni se tissorvelja d-diskrepanza bejn il-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet u d-data dwar il-konsum tal-fjuwil u l-enerġija f'sewqan reali, tirrapporta dwar metodoloġija għall-aġġustament tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-manifatturi u tipproponi miżuri ta' segwitu xierqa;
  • Il-manifatturi responsabbli għall-volumi ta' produzzjoni żgħar f'sena kalendarja (1 000 sa 10 000 karozza ġdida jew 1 000 sa 22 000 vann ġdid) jistgħu jingħataw deroga sal-aħħar tal-2035 (dawk li jirreġistraw inqas minn 1 000 vettura ġdida kull sena jibqgħu jiġu eżentati);
  • Il-mekkaniżmu ta' inċentivi għal vetturi b'emissjonijiet żero u baxxi (ZLEV) fis-seħħ bħalissa, li jippremja lill-manifatturi li jbigħu aktar vetturi ta' dan it-tip (b'emissjonijiet minn żero sa 50g Co2/km, bħal vetturi elettriċi u vetturi ibridi plug-in bi prestazzjoni tajba) b'miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi, se jiġi adattat biex jissodisfa x-xejriet tal-bejgħ mistennija. Mill-2025 sal-2029, il-punt ta' referenza ZLEV huwa stabbilit għal 25 % għall-bejgħ ta' karozzi ġodda, u 17 % għal vannijiet ġodda, u mill-2030 dan l-inċentiv se jitneħħa;
  • Kull sentejn, li jibdew mill-aħħar tal-2025, il-Kummissjoni se tippubblika rapport fejn tevalwa l-progress lejn mobilità fit-triq b'emissjonijiet żero.

Kwotazzjoni


Ir-rapporteur Jan Huitema (Renew, NL) qal: "Dan ir-regolament iħeġġeġ il-produzzjoni ta' vetturi b'emissjonijiet żero u baxxi. Fih insibu reviżjoni ambizzjuża tal-miri għall-2030 u mira ta' emissjonijiet żero għall-2035, li hija kruċjali biex niksbu newtralità klimatika sal-2050. Dawn il-miri jipprovdu ċarezza għall-industrija tal-karozzi u jistimulaw l-innovazzjoni u l-investimenti għall-manifatturi tal-karozzi. Ix-xiri u s-sewqan tal-karozzi b'emissjonijiet żero se jsiru orħos għall-konsumaturi u b'hekk jinħoloq aktar malajr suq għall-vetturi użati. Permezz ta' dan, is-sewqan sostenibbli jsir aċċessibbli għal kulħadd."


Il-passi li jmiss


Wara l-votazzjoni finali fil-plenarja, it-test issa jrid jiġi appoġġjat formalment mill-Kunsill ukoll, imbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE ftit wara.

L-isfond


Fl-14 ta' Lulju 2021, bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %", il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal reviżjoni tal-istandards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2 għal karozzi tal-passiġġieri ġodda u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda. Il-proposta għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-miri klimatiċi tal-UE għall-2030 u għall-2050, tagħti benefiċċji liċ-ċittadini u tistimula l-innovazzjoni f'teknoloġiji b'emissjonijiet żero.