L-Ukrajna jeħtieġ li tingħata għajnuna militari sakemm ikun meħtieġ 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • L-Istati Membri tal-UE għandhom jikkunsidraw serjament li jibagħtu ġettijiet tal-ġlied lejn l-Ukrajna
  • L-assi Russi ffriżati mill-UE għandhom jintużaw biex tinbena mill-ġdid l-Ukrajna
  • Is-sanzjonijiet tal-UE kontra Moska u l-alleati tagħha jeħtieġ li jitwessgħu b’mod sostanzjali
  • L-Ukrajna, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jaħdmu biex jibdew it-taħditiet dwar l-adeżjoni din is-sena
Il-Parlament Ewropew jibqa’ sod fl-appoġġ tiegħu għall-Ukrajna © Ludovic Marin/POOL/AFP  

Il-MPE jitolbu li tingħata kunsiderazzjoni serja lill-forniment ta’ ġettijiet u ħelikopters tal-ġlied, sistemi xierqa tal-missili u żieda sostanzjali fil-munizzjonijiet lejn l-Ukrajna.

F’riżoluzzjoni li timmarka sena mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-MPE jikkundannaw bil-qawwa l-aggressjoni ta’ Moska u jtennu s-solidarjetà soda tagħhom mal-poplu u t-tmexxija tal-Ukrajna.


Huma jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-għoti ta’ assistenza militari lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ u jitolbu li tingħata kunsiderazzjoni serja biex jingħataw ġettijiet u ħelikopters tal-ġlied, sistemi xierqa tal-missili u żieda sostanzjali fil-forniment ta’ munizzjon lil Kiev. L-Ukrajna għandha mhux biss tkun kapaċi tiddefendi ruħha, iżda wkoll terġa’ tikseb il-kontroll sħiħ tat-territorju kollu tagħha rikonoxxut internazzjonalment.


Aktar sanzjonijiet u konfiska tal-assi Russi biex terġa’ tinbena l-Ukrajna

Ir-riżoluzzjoni tappella lill-Istati Membri tal-UE biex jadottaw l-għaxar pakkett ta’ sanzjonijiet tagħhom kontra r-Russja u l-alleati tagħha sal-aħħar ta’ Frar u biex iwessgħu b’mod sostanzjali l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Hija tħeġġeġ ukoll lill-UE, lill-Istati Membri u lill-alleati tagħhom biex jagħmlu s-sanzjonijiet diġà fis-seħħ aktar effettivi, u biex jieħdu passi urġenti biex jimblukkaw kwalunkwe tentattiv biex jiġu evitati dawn il-miżuri restrittivi.

B’ħarsa ‘l quddiem, il-MPE jitolbu li jitlesta r-reġim legali li jippermetti li l-assi Russi ffriżati mill-UE jiġu kkonfiskati. Dawn l-assi mbagħad għandhom jintużaw biex jinbena mill-ġdid il-pajjiż u biex jiġu kkumpensati l-vittmi tal-gwerra. Huma jissottolinjaw ukoll li, ladarba tintemm il-gwerra, ir-Russja ser ikollha tkun soġġetta għal obbligi severi ta’ riparazzjonijiet biex tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

Ħidma biex jinbdew in-negozjati ta’ adeżjoni tal-Ukrajna mal-UE

Il-Parlament jenfasizza li l-gwerra Russa ta’ aggressjoni biddlet b’mod fundamentali s-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa, “li teħtieġ deċiżjonijiet politiċi, ta’ sigurtà u finanzjarji kuraġġużi u komprensivi mill-UE”. F’dan il-kuntest, il-MPE jtennu l-appoġġ tagħhom għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-sajf li għadda li jagħti l-istatus ta’ kandidat tal-UE lill-Ukrajna. Huma jappellaw ukoll lill-Ukrajna, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu lejn il-bidu tan-negozjati tal-adeżjoni din is-sena, filwaqt li jenfasizzaw li l-adeżjoni mal-UE tibqa’ wkoll proċess ibbażat fuq il-mertu b’rispett għall-proċeduri rilevanti u l-kriterji ta’ kondizzjonalità.

Għad-dettalji kollha, ir-riżoluzzjoni se tkun disponibbli b’mod sħiħ hawnhekk (16.2.2023). Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b'444 vot favur, 26 kontra u 37 astensjoni.


Tista’ ssib reġistrazzjoni tad-dibattitu fil-plenarja mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-Kap tal-Politika Barranija tal-UE Josep Borrell u l-Presidenza Svediża tal-Kunsill. (15.2.2023)