Għan ġdid tal-PE għall-bjar tal-karbonju – ambizzjoni klimatika aħjar għall-2030 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Mira ġdida tal-UE għall-2030 biex jiżdiedu l-bjar tal-karbonju tal-UE bi 15%
  • Miri nazzjonali vinkolanti għall-2030 għall-pajjiżi kollha tal-UE
  • Titjib fil-governanza u l-monitoraġġ, inklużi penali f'każ ta' nuqqas ta' konformità
Kull pajjiż fl-UE se jkollu miri vinkolanti għall-assorbimenti u l-emissjonijiet mill-użu tal-art u tal-forestrija ©Focus finder/AdobeStock  

Il-liġi l-ġdida tgħolli l-mira tal-bjar tal-karbonju tal-UE għall-użu tal-art u l-forestrija, li għandha tnaqqas il-gassijiet serra fl-UE sa 57% fl-2030 meta mqabbla mal-1990.

Illum, il-Parlament adotta r-reviżjoni tar-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) b’479 vot favur, 97 kontra u 43 astensjonijiet. Din ir-reviżjoni għandha l-għan li ttejjeb il-bjar tal-karbonju naturali biex b'hekk l-UE ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050 kif ukoll ittejjeb il-bijodiversità skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Kemm il-miri tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali se jagħtu spinta lill-bjar tal-karbonju sal-2030

Il-mira tal-UE għall-2030 għall-assorbimenti netti tal-gassijiet serra fl-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija se tkun stabbilita għal 310 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għas-CO2, jiġifieri madwar 15% aktar mil-lum. Din il-mira l-ġdida tal-UE għandha tnaqqas aktar il-gassijiet serra fl-UE fl-2030: minn 55% għal madwar 57% meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

L-Istati Membri tal-UE se jkollhom miri nazzjonali vinkolanti għall-2030 għall-assorbimenti u l-emissjonijiet mil-LULUCF ibbażati fuq il-livelli reċenti tal-assorbimenti u l-potenzjal għal assorbimenti addizzjonali. Ir-regoli attwali se japplikaw sal-2025, li taħthom il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-emissjonijiet fis-settur tal-LULUCF ma jaqbżux l-ammont tal-assorbimenti. Mill-2026, il-pajjiżi tal-UE se jkollhom baġit ta' erba' snin għall-2026-2029 minflok miri annwali vinkolanti.

Governanza, flessibbiltà u monitoraġġ

Biex jilħqu l-miri tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jixtru jew ibigħu krediti ta' assorbimenti bejn il-LULUCF u r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Se jkun hemm mekkaniżmu li se jiżgura wkoll li l-Istati Membri jirċievu kumpens f'każ ta' diżastri naturali, bħal pereżempju nirien fil-foresti.

Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet u l-assorbimenti se jitjiebu, inkluż bl-użu ta' aktar data ġeografika u telerilevament, biex b'hekk il-progress tal-pajjiżi tal-UE biex jilħqu l-miri tagħhom ikun jista' jiġi segwit b'mod aktar preċiż.

Il-pajjiżi tal-UE se jkunu obbligati li jieħdu azzjoni korrettiva jekk il-progress lejn il-mira tagħhom ma jkunx suffiċjenti. Se jkun hemm ukoll penali f'każ ta' nuqqas ta' konformità: 108% tal-gassijiet serra li jaqbżu l-baġit tagħhom għall-2026-2029 se jiżdiedu mal-mira tagħhom għall-2030. Biex tiżgura li tintlaħaq il-mira tal-UE, il-Kummissjoni se tissottometti rapport ta' progress mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-ewwel rendikont globali maqbul skont il-Ftehim ta' Pariġi. Skont il-każ, il-Kummissjoni tista' ssegwi bi proposti leġiżlattivi.

Il-passi li jmiss

It-test għadu jrid jiġi approvat formalment mill-Kunsill. Imbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE u jidħol fis-seħħ wara 20 ġurnata.

Sfond

Ir-reviżjoni tar-regoli tal-LULUCF hija parti mill-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55% fl-2030" li huwa l-pjan tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima.