Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa: Il-MPE jappoġġjaw l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-UE fl-2016, iżda r-ratifika waqfet minħabba r-retiċenza ta’ xi pajjiżi tal-UE
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kkonfermat fl-2021 li l-UE tista’ tirratifika l-Konvenzjoni b’vot bil-maġġoranza kwalifikata
  • L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ma teżentax lil sitt Stati Membri milli jirratifikawha huma stess
  • Waħda minn kull tliet nisa fl-UE esperjenzat vjolenza fiżika u/jew sesswali

Il-MPE vvutaw biex japprovaw l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, u ikkonkludew ir-rwol tal-Parlament fil-proċess.

Sitt snin wara li l-UE ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul — l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet — din għadha ma ġietx ratifikata minħabba r-rifjut ta’ xi stati membri, minkejja d-diversi appelli tal-Parlament biex dan isir. Madankollu, l- opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-6 ta’ Ottubru 2021 ikkonfermat li l-Unjoni Ewropea tista’ tirratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul mingħajr il-qbil tal-istati membri kollha.


Il-Qorti sabet li l-ambitu xieraq għall-adeżjoni tal-UE huwa l-ażil, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, u l-obbligi tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-amministrazzjoni pubblika. B’konformità ma’ dan, l-Erbgħa l-MPE ivvutaw biex jagħtu l-approvazzjoni tagħhom f’żewġ votazzjonijiet separati:

  • dwar l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni b’472 vot favur, 62 kontra u 73 astensjoni,
  • dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-asil u n-non-refoulement b’464 vot favur, 81 kontra u 45 astensjoni.

L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma teżentax lill-istati membri milli jirratifikawha huma stess, il-MPE kemm-il darba qalu, filwaqt li ħeġġew lis-sitt pajjiżi li fadal — il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja — biex jirratifikaw il-Konvenzjoni mingħajr dewmien, sabiex tkun tista’ tipproteġi lin-nisa sal-limitu sħiħ tal-kamp ta’ applikazzjoni maħsub tal-Konvenzjoni.


Il-passi li jmiss

Il-Kunsill issa jista’ jipproċedi bil-konklużjoni tal-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni.


Tagħrif ta’ sfond

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul”) hija l-ewwel test internazzjonali li jiddefinixxi legalment il-vjolenza fuq in-nisa u jistabbilixxi qafas komprensiv ta’ miżuri legali u ta’ politika għall-prevenzjoni ta’ tali vjolenza, l-appoġġ lill-vittmi u l-ikkastigar tal-awturi ta’ reati.

F’Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat pjan direzzjonali, li kkonkluda li l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni toħloq qafas koerenti fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, ittejjeb il-prevenzjoni għan-nisa kollha u toffri protezzjoni u appoġġ aħjar għan-nisa u t-tfal u gruppi speċifiċi ta’ nisa li huma vittmi ta’ vjolenza.