Il-PE favur regoli ġodda għal prodotti sostenibbli u kontra l-greenwashing 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Asserzjonijiet ambjentali ġenerali u mhux sostanzjati għandhom jiġu pprojbiti
  • Limitazzjoni intenzjonata fuq kemm idum iservi prodott m’għandhiex tkun permessa
  • Prodott għandu jibqa’ jaħdem sew bi spare parts u oġġetti magħmula minn manifattur differenti
Il-MPE jridu jgħinu lill-konsumaturi jagħżlu oġġetti u kumpaniji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ©AdobeStock_ Olivier Le Moal  

Il-Ħamis, il-MPE approvaw abbozz ta’ leġiżlazzjoni li jtejjeb it-tikkettar u s-sostenibbiltà tal-prodotti u li jtemm l-asserzjonijiet qarrieqa.

B’544 vot favur, 18 kontra u 17-il astensjoni, il-plenarja approvat il-proposta għal direttiva ġdida dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-għan ewlieni tagħha hu li tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet favur l-ambjent u jħeġġu lill-kumpaniji joffrulhom prodotti aktar sostenibbli u li jservu aktar.

Il-projbizzjoni ta’ riklami qarrieqa u asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi

Il-mandat ta' negozjar approvat tal-Parlament għandu l-pjan li jipprojbixxi l-użu ta’ asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi bħal “favur l-ambjent”, “naturali”, “bijodegradabbli”, “newtrali għall-klima” jew “eko” jekk ma jkunux akkumpanjati minn evidenza dettaljata. Għandu l-għan ukoll li jipprojbixxi asserzjonijiet ambjentali li jkunu bbażati biss fuq skemi ta’ kumpens għal emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, se jkunu pprojbiti wkoll prattiki qarrieqa oħra bħal asserzjonijiet dwar il-prodott kollu jekk l-asserzjoni tkun valida biss għal parti tal-prodott, jew asserzjoni li prodott se jservi għal żmien speċifiku jew li jista’ jintuża b’intensità partikolari jekk dan kollu ma jkunx vera.

Sabiex l-informazzjoni dwar il-prodott tkun aktar sempliċi, il-MPE qed jippjanaw li jippermettu biss l-użu ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà bbażati fuq skemi ta’ ċertifikazzjoni uffiċjali jew stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi.

Il-ġlieda favur prodotti li ma jeqdimux malajr

Sabiex il-prodotti jservu aktar, il-Parlament irid jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ karatteristiċi tad-disinn li jillimitaw il-ħajja ta’ prodott jew li jikkawżawlu ħsara bikrija. Barra minn hekk, il-produtturi m’għandhomx jitħallew jillimitaw il-funzjonalità ta’ prodott meta jintuża ma’ oġġetti, spare parts jew aċċessorji (pereżempju chargers jew cartridges tal-linka) magħmula minn kumpaniji oħra.

Sabiex jagħżlu prodotti li jservu aktar u li jistgħu jissewwew, qabel ma jixtru l-konsumaturi għandhom jiġu infurmati bi kwalunkwe restrizzjoni fuq it-tiswija. Barra minn hekk, il-MPE jipproponu tikketta ta’ garanzija ġdida li tindika mhux biss it-tul tal-garanzija meħtieġa bil-liġi iżda wkoll it-tul ta’ kwalunkwe estensjoni tal-garanzija possibbli offruta mill-produtturi. Dan kollu jpoġġi enfażi fuq oġġetti ta’ kwalità u jagħti inċentiv lill-kumpaniji biex jiffukaw aktar fuq is-sostenibbiltà.

Kwotazzjoni

Wara l-votazzjoni, ir-rapporteur Biljana Borzan (S&D, HR) tkellmet dwar dan is-suġġett: “L-industrija mhux se tibqa’ tagħmel qligħ minn prodotti li jinkisru malli tiskadi l-garanzija. Il-konsumaturi jridu jingħataw informazzjoni ċara dwar l-għażliet u l-ispejjeż tat-tiswija. It-tikketti tal-prodott se jinfurmaw liċ-ċittadini liema oġġetti għandhom il-garanzija li jservu aktar u b’hekk ikunu il-produtturi ta’ oġġetti aktar sostenibbli li jibbenefikaw. It-taħwid ta’ asserzjonijiet ambjentali foloz se jintemm għaliex asserzjonijiet ambjentali ċertifikati u sostanzjati biss se jkunu permessi”.

Il-passi li jmiss

Il-Kunsill tal-UE adotta l-mandat ta' negozjar tiegħu stess fit-3 ta’ Mejju. Dan ifisser li n-negozjati bejn il-Parlament u l-Istati Membri dwar il-kontenut u l-kliem finali tad-direttiva jistgħu jibdew daqt.

L-isfond

Id-direttiva proposta hija parti mill-ewwel pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari, flimkien mar-Regolament dwar l-Ekodisinn, ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini u rapport fuq inizjattiva proprja dwar l-Istrateġija tal-UE għal Tessuti Sostenibbli u Ċirkolari. Hi twitti t-triq għall-green claims directive (direttiva dwar l-asserzjonijiet ambjentali) li tispeċifika aktar il-kundizzjonijiet tal-asserzjonijiet ambjentali fil-futur.

Fl-adozzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, il-Parlament qed iwieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini fir-rigward tal-konsum, l-ippakkjar u l-produzzjoni sostenibbli kif ukoll it-tkabbir u l-innovazzjoni sostenibbli kif espressi fil-Proposti 5 (1), (7) u (10) u 11 (2) tal-konklużjonijiet. tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.