Jina Mahsa Amini u l-Moviment ta’ protesta tan-nisa Iranjani jirbħu l-Premju Sakharov 2023
Il-MPE taw il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2023 lil Jina Mahsa Amini u l-Moviment Nisa, Ħajja u Libertà fl-Iran.
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħabbret ir-rebbieħa tal-2023 nhar
il-Ħamis fil-Kamra Plenarja ta’ Strasburgu, wara deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament (il-President Metsola u l-mexxejja tal-gruppi politiċi).
Il-President Metsola qalet: “Fis-16 ta’ Settembru mmarkajna sena mill-qtil ta’ Jina Mahsa Amini fl-Iran. Il-Parlament Ewropew jinsab spalla ma' spalla mal-kuraġġużi li jkomplu jiġġieldu għall-ugwaljanza, id-dinjità u l-libertà fl-Iran. Ninsabu ma’ dawk li, anke mill-ħabs, ikomplu jżommu l-moviment Nisa, Ħajja u Ħelsien ħajj. Bl-għażla tagħhom bħala rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2023, din il-Kamra tiftakar il-ġlieda tagħhom u tkompli tonora lil dawk kollha li ħallsu l-prezz aħħari għal-libertà."
Jina Mahsa Amini kienet mara Iranjana Kurda ta’ 22 sena. Hija ġiet arrestata mill-pulizija f’Tehran fit-13 ta’ Settembru talli allegatament injorat il-liġijiet stretti tal-Iran dwar il-velu, u mietet fi sptar f’Teheran tlett ijiem wara abbuż fiżiku waqt li kienet f’kustodja.
Il-mewt tagħha qanqal protesti massivi mmexxija min-nisa fl-Iran. Taħt l-għajta “Nisa, Ħajja, Libertà”, huma ipprotestaw kontra l-liġi tal-hiġab u liġijiet diskriminatorji oħra.
Wara r-repressjoni brutali tar-reġim Iranjan kontra dawn il-protesti, il-Parlament Ewropew ikkundanna ripetutament is-sitwazzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż.
F’Ottubru 2022, il-MPE appellaw għal sanzjonijiet kontra uffiċjali Iranjani involuti kemm fil-mewt ta’ Jina Mahsa Amini kif ukoll fir-repressjoni mwettqa mir-reġim, u esprimew l-appoġġ qawwi tagħhom għall-moviment ta’ protesta paċifika fl-Iran.
F’Jannar 2023, il-MPE talbu għal aktar sanzjonijiet kontra r-reġim Iranjan u biex l-UE tqiegħed il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika fuq il-lista tat-terroristi tagħha.
Aqra aktar dwar il-finalisti l-oħra tal-Premju Sakharov fl-2023 hawn.
Il-passi li jmiss
Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se ssir fit-13 ta’ Diċembru 2023 fl-emiċiklu tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Sfond
Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew. Huwa twaqqaf fl-1988 biex jonora individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa msemmi f’ġieħ il-fiżiċista u d-dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov u l-flus tal-premju huma ta’ EUR 50 000.
Is-sena l-oħra, il-Parlament ta l-premju lill-Poplu Kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-president, il-mexxejja eletti, u s-soċjetà ċivili tagħhom.
Kuntatti:
-
Elodie LABORIE
Press Officer -
Eoghan WALSH
Press OfficerInformazzjoni ta' kuntatt: