Il-premju tal-PE għall-ġurnaliżmu tal-2023 mogħti lill-investigazzjoni dwar in-nawfraġju tal-migranti f’Pylos f’Ġunju 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Ir-rebbieħa tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu 2023: Solomon, Forensis, ARD, The Guardian ©Unjoni Ewropea, 2023 — Sors:PE  

Konsorzju Grieg, Ġermaniż u Ingliż rebaħ il-Premju Daphne Caruana Galizia tal-2023 talli investiga n-nawfraġju tal-bastiment li ħalla aktar minn 600 migrant mejtin qrib Pylos fil-Greċja.

L-investigazzjoni konġunta mill-kumpanija investigattiva Griega Solomon, f’kollaborazzjoni ma’ Forensis, ix-xandar pubbliku Ġermaniż StrgF/ARD, u l-gazzetta Ingliża The Guardian żvelat kif seħħ l-agħar nawfraġju ta’ migranti fl-istorja reċenti bħala riżultat tal-azzjonijiet meħuda mill-Gwardja tal-Kosta Griega. L-investigazzjoni tiżvela wkoll inkonsistenzi f’dak li qalu li seħħ b’mod uffiċjali l-awtoritajiet Griegi.


Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, Pina Picierno, il-Viċi President responsabbli għall-Premju, u Juliane Hielscher, il-President tal-Klabb tal-Istampa ta’ Berlin u rappreżentanta tat-28 membru tal-Ġurija indipendenti mifruxa mal-Ewropa, ipparteċipaw fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju li saret fis-Sala tal-Istampa Daphne Caruana Galizia tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu.


Il-President Metsola qalet: "Illum, bħal kull sena, nonoraw il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia bi premju li huwa tifkira qawwija tal-ġlieda tagħha għall-verità u l-ġustizzja. Ġurnalisti madwar id-dinja jibqgħu jiġu attakkati biss talli jagħmlu xogħolhom, iżda jirrifjutaw li jiġu msikkta. Dan il-Parlament qiegħed maġenbhom f’din il-battalja kontinwa biex tiġi protetta l-libertà tal-istampa u l-pluraliżmu tal-midja fl-Ewropa u lil hinn minnha”.


Bejn it-3 ta’ Mejju u l-31 ta’ Lulju 2023, aktar minn 700 ġurnalist mis-27 pajjiż tal-UE ssottomettew l-istejjer tagħhom biex jiġu kkunsidrati. Tnax minn dawn is-sottomissjonijiet ntgħażlu mill-ġurija bħala finalisti qabel ma ġie deċiż ir-rebbieħ.

Dwar l-istorja rebbieħa

L-investigazzjoni ħarset mill-qrib lejn l-avvenimenti li seħħew meta ntilef il-bastiment tat-tkarkir Adriana fl-14 ta’ Ġunju ta’ din is-sena madwar 50 mil nawtiku bogħod minn Pylos, fil-Lbiċ tal-Greċja, u mietu aktar minn 600 migrant li kienu telqu mil-Libja xi jiem qabel.


Saru aktar minn 20 intervista ma’ dawk li salvaw, u ġew investigati d-dokumenti tal-qorti u s-sorsi dwar il-Gwardja tal-Kosta. Is-sejbiet jiddeskrivu fid-dettall l-opportunitajiet ta’ salvataġġ mitlufa u l-offerti ta’ għajnuna li ġew injorati, filwaqt li x-xhieda ta’ dawk li salvaw tindika li kienu t-tentattivi tal-Gwardja tal-Kosta Griega li tirmonka l-bastiment li fl-aħħar mill-aħħar ikkawżaw l-għarqa tiegħu. Il-Gwardja tal-Kosta Griega ċaħdet li ppruvat tirmonka l-bastiment tat-tkarkir.


Saret simulazzjoni ta’ dak il-lejl devastanti minn Forensis bl-użu tal-immudellar interattiv 3D tal-bastiment tat-tkarkir bis-saħħa tad-data mir-reġistru tal-Gwardja tal-Kosta u x-xhieda tal-kaptan tal-bastiment tal-Gwardja tal-Kosta, kif ukoll mir-rotot tat-titjiriet, id-data dwar it-traffiku marittimu, l-immaġnijiet bis-satellita u l-filmati meħuda minn bastimenti tat-tbaħħir fil-qrib u sorsi oħra.


It-timijiet li kkontribwew għall-istorja huma:

Għal Solomon: Stavros Malichudis, Iliana Papangeli, Corina Petridi

Għal Forensis: Stefanos Levidis, Christina Varvia, Georgia Skartadou, Andreas Makas, Ebrahem Farooqui, Dimitra Andritsou, Peter Polack, Eyal Weizman, Jasper Humpert, Miriam Rainer, Salma Barakat, Zac Ioannidis, Elizabeth Breiner

Għal StrgF/ARD: Armin Ghassim, Sulaiman Tadmory, Timo Robben, Sebastian Heidelberger

Għal The Guardian: Giorgos Christides, Katy Fallon, Lydia Emmanouilidou, u Julian Busch


L-artiklu rebbieħ dalwaqt ser ikun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.


Dwar il-Premju

Il-Premju Daphne Caruana Galizia nbeda b’deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew f’Diċembru 2019 bħala ġieħ lil Daphne Caruana Galizia, ġurnalista u bloger investigattiva Maltija kontra l-korruzzjoni li nqatlet f’attakk b’karozza bomba fl-2017.


Ta’ kull sena (fl-anniversarju tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia), il-Premju jippremja ġurnaliżmu eċċezzjonali li jippromwovi jew jiddefendi l-prinċipji u l-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet tal-bniedem.


Ġurnalisti professjonali u timijiet ta’ ġurnalisti professjonali ta’ kwalunkwe nazzjonalità jistgħu jissottomettu stejjer dettaljati li ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’wieħed mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li tiġi appoġġjata u enfasizzata l-importanza tal-ġurnaliżmu professjonali fis-salvagwardja tal-libertà, l-ugwaljanza u l-opportunità.


Il-ġurija indipendenti hija magħmula minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru Ewropew u rappreżentant tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti.


Il-Premju u l-flus tal-premju ta’ EUR 20,000 juru l-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew għall-ġurnaliżmu investigattiv u għal stampa libera.


F’Ottubru 2021, il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu ngħata lill-ġurnalisti kkoordinati mill-Konsorzju Forbidden Stories li investigaw il-Proġett Pegasus.


F’Ottubru 2022, il-premju ngħata lill-koproduzzjoni Découpages/Arte G.E.I.E għal dokumentarju dwar l-influwenza Russa fl-Afrika.

Min kienet Daphne Caruana Galizia?

Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista, bloger u attivista Maltija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni li rrappurtat b'mod estensiv fuq il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, il-bejgħ taċ-ċittadinanza u r-rabtiet tal-Gvern Malti mal-Panama Papers. Wara li sfat vittma ta' molestji u theddid, ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017 minn splużjoni ta’ bomba moħbija fil-karozza tagħha. Il-protesti għall-mod kif l-awtoritajiet mexxew l-investigazzjonijiet relatati mal-omiċidju tagħha fl-aħħar mill-aħħar wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Kritiċi dwar in-nuqqasijiet fl-investigazzjoni, f'Diċembru 2019 il-Membri tal-PE talbu lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni.