Punti Ewlenin ta’ kull Ġimgħa dwar l-Elezzjoni
7 ta’ Ġunju 2024
L-Ewropa qed tivvota!
L-elezzjonijiet Ewropej bdew uffiċjalment!Diversi pajjiżi joffru l-possibbiltà għal votazzjoni bikrija - fl-Estonja, tista' tivvota online mit-Tnejn 3 ta’ Ġunju. Fl-Olanda l-elezzjoni seħħet nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju. Illum is-7 ta' Ġunju, l-Irlandiżi u ċ-Ċeki se jivvutaw u l-bqija tal-Ewropa fi tmiem il-ġimgħa, bejn is-Sibt u l-Ħadd.
B'kollox, madwar 360 miljun Ewropew huma msejħa biex jivvutaw biex jeleġġu s-720 membru tal-Parlament Ewropew li jmiss.
2 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' 16 u 17-il sena se jkunu eliġibbli biex jivvutaw għall-ewwel darba - l-età biex wieħed jivvota hija stabbilita għal 16-il sena fil-Belġju, il-Ġermanja, Malta u l-Awstrija u 17-il sena fil-Greċja. Fil-bqija tal-pajjiżi, irid ikollok 18-il sena biex tivvota.
Informazzjoni dwar kif u meta wieħed għandu jivvota hija disponibbli fuq is-sit web tal-elezzjonijiet.
L-estimi (bejn it-20.15 u t-20.30 CEST) u r-riżultati proviżorji (bejn il-23.15 u l-23.30 CEST) tal-elezzjonijiet se jiġu aġġornati f’ħin reali fuq is-sit web tar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej.
Kopertura diretta tal-Elezzjonijiet Ewropej
Il-media tista' tuża filmati tal-Elezzjonijiet li jsiru fl-Istati Membri kollha tal-UE mill-EbS jew miċ-Ċentru Multimedjali. Filmati ta’ post tal-votazzjoni Olandiż stabbilit f’mitħna tar-riħ huma disponibbli hawnhekk. Iċ-ċittadini tal-UE diġà vvutaw fuq il-gżira ta’ Svartsö fl-Iżvezja, jew fuq lanċa f’Kemiönsaari (il-Finlandja). Iċ-ċittadini tal-UE minn erbatax-il pajjiż kellhom ukoll l-opportunità li jivvutaw bil-posta, bħall-Griegi. Il-filmati tal-elezzjonijiet se jittellgħu matul tmiem il-ġimgħa - inklużi reġistrazzjonijiet ta' kandidati ewlenin u mexxejja tal-gruppi li jitfgħu l-vot tagħhom.
Il-jiem u l-lejl tal-elezzjoni fi Brussell
Il-Parlament Ewropew fi Brussell ġie ttrasformat kompletament biex jakkomoda aktar minn 1000 rappreżentant tal-media li ġejjin minn aktar minn 90 pajjiż. L-Emiċiklu sejjer għalhekk jinbidel f'kamra tal-istampa waħda. 700 spazju tax-xogħol huma previsti għall-ġurnalisti, tħejjew 125 pożizzjoni stand-up, fosthom 66 fl-emiċiklu fuq tliet livelli li jkopru 420m2 u 185 linja broadband għat-trażmissjoni.
Id-dettalji prattiċi għall-ġurnalisti dwar il-ġranet u l-lejl tal-elezzjonijiet huma disponibbli hawnhekk.
Tajjeb li tkun taf
- L-Ombudsmen tal-pajjiżi tal-UE u l-presidenti tal-kumitati nazzjonali għall-petizzjonijiet ħarġu dikjarazzjoni konġunta li titlob liċ-ċittadini eliġibbli kollha biex jivvutaw, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa għal impenn ċiviku qawwi biex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi.
- Għadek m’intix ċert għal min se tivvota? Ġew żviluppati ftit apps pan-Ewropej biex jgħinuk tagħmel l-għażla tiegħek, bħal Palumba, EU&I, VoteSwiper jew EuroMPmatch. Varjetà ta’ apps speċifiċi għall-pajjiż huma wkoll disponibbli f’diversi lingwi biex jgħinu liċ-ċittadini jagħmlu l-għażla tagħhom.
Kuntatti:
-
Neil CORLETT
Head of the Press Unit