Stħarriġ jikkonferma li ċ-ċittadini Ewropej iridu li l-UE tipproteġihom u taġixxi magħquda 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • 74% taċ-ċittadini jaħsbu li pajjiżhom jibbenefika minn sħubija fl-UE. Rata ħafna ogħla f'Malta fejn 92% jaħsbu li Malta tibbenefika;
  • 62% jidhrilhom li l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol aktar importanti. Dan il-perċentwal jitla’ għal 70% f’Malta;
  • 66% taċ-ċittadini - u 82% f’Malta - jridu li l-UE tipproteġihom aktar kontra l-kriżijiet dinjija u r-riskji marbuta mas-sigurtà;
  • Id-difiża u s-sigurtà (36%) kif ukoll il-kompetittività (32%) meqjusa l-akbar prijoritajiet, waqt li għall- Maltin il-prijoritajiet huma l-valuri tal-UE, u l-edukazzjoni u r-riċerka, it-tnejn b’29 %.
  • Disgħa minn kull għaxra (89%) taċ-ċittadini tal-UE jgħidu li l-pajjiżi membri għandhom jaġixxu aktar flimkien fil-konfront tal-isfidi dinjija kurrenti. 98% tal-Maltin huma favur dan, l-ogħla fl-UE.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tax-Xitwa 2025 tal-Parlament Ewropew, maħruġ illum, jenfasizza l-livelli storiċi ta’ approvazzjoni għas-sħubija fl-UE marbuta mal-paċi u s-sigurtà.

“Żewġ terzi tal-Ewropej iridu li l-UE jkollha rwol akbar fil-protezzjoni tagħhom,” qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola. “Din hija sejħa ċara għal azzjoni li se nwieġbuha. Jeħtieġ li l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha sabiex iċ-ċittadini tagħna jħossuhom aktar sikuri. Il-Parlament Ewropew se jiżgura li kull proposta mressqa tkun kuraġġuża u ambizzjuża biżżejjed biex tlaħħaq mal-livell serju ta' theddid li qed tiffaċċja l-Ewropa. L-Ewropa trid tkun iktar b’saħħitha llum, inkella tirriskja li tkun injorata għada.”

66% taċ-ċittadini tal-UE jridu li l-UE tieħu rwol aktar importanti fil-protezzjoni tagħhom kontra l-kriżijiet globali u r-riskji għas-sigurtà. Din il-fehma hija partikolarment b’saħħitha fost iż-żgħażagħ li wieġbu għall-istħarriġ. Fil-livell nazzjonali, ir-riżultati għal rwol aktar b’saħħtu tal-UE jvarjaw minn 87% fl-Iżvezja għal 47% fir-Rumanija u 44% fil-Polonja. F’Malta 82% ta’ dawk li wieġbu huma favur li r-rwol tal-UE jsir aktar importanti għall-protezzjoni kontra kriżijiet globali u riskji għas-sigurtà.

Kważi tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE (74%) jemmnu li pajjiżhom ibbenefika mis-sħubija fl-UE. Dan huwa l-ogħla riżultat li qatt ġie rreġistrat fi stħarriġ tal-Ewrobarometru għal din il-mistoqsija minn meta saret għall-ewwel darba fl-1983. Fuq il-linji tal-kuntest attwali, ir-rispondenti jsemmu l-kontribut tal-UE għaż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà (35%) bħala r-raġuni ewlenija għaliex is-sħubija titqies ta’ benefiċċju.

Malta tinsab fil-quċċata tal-lista bi 92% tal-Maltin jemmnu li Malta bbenefikat mis-sħubija fl-UE, l-ogħla fl-UE, u 2 punti perċentwali aktar minn sena ilu. Għal 50% tal-Maltin il-benefiċċju ewlieni tas-sħubija huwa li l-UE tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, filwaqt li 17% jinnotaw li l-UE tikkontribwixxi għall-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà.

Barra minn hekk, hemm qbil wiesa’ fost iċ-ċittadini tal-UE li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu aktar magħqudin huma u jiffaċċjaw l-isfidi globali attwali (89%) u li l-Unjoni Ewropea teħtieġ aktar mezzi biex tindirizza l-isfidi li ġejjin (76%).

Il-Maltin huma l-aktar fl-Ewropa li jiffavorixxu li l-pajjiżi membri jaġixxu flimkien, bi 98% favur, u 91% f’Malta jaħsbu li l-UE teħtieġ aktar mezzi biex tiffaċċja l-isfidi globali attwali.

Iċ-ċittadini jistennew li l-UE ssaħħaħ is-sigurtà u d-difiża u żżid il-kompetittività

F’ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel malajr, id-difiża u s-sigurtà (36%) kif ukoll il-kompetittività, l-ekonomija u l-industrija (32%) huma identifikati bħala l-oqsma li fuqhom l-UE għandha tiffoka l-aktar biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja. Dawn huma wkoll is-suġġetti mogħtija l-aktar importanza fil-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa li għaddiet, bil-President tal-Parlament tappella għal azzjoni aktar rapida u ambizzjoni aktar kuraġġuża. Filwaqt li r-riżultati għad-difiża u s-sigurtà baqgħu stabbli meta mqabbla ma’ Frar/Marzu 2024, dawk għall-kompetittività, l-ekonomija u l-industrija żdiedu b’ħames punti. Dawn iż-żewġ oqsma huma segwiti mill-indipendenza fl-enerġija (27%), is-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura (25%) u l-edukazzjoni u r-riċerka (23%).

Prijoritajiet differenti f’Malta fejn il-valuri tal-UE, inklużi d-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (29%), u l-edukazzjoni u r-riċerka (29%) huma l-ogħla prijoritajiet, it-tnejn fl-ewwel post. L-azzjoni klimatika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet (28%), is-sigurtà tal-ikel (27%), u t-teknoloġija u l-innovazzjoni inkluża l-IA (24%) isegwu. Il-kompetittività, u d-difiża u s-sigurtà, it-tnejn intgħażlu minn 20% kull wieħed, bħala oqsma ta’ prijorità tal-UE biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fid-dinja.

Il-kwistjonijiet ekonomiċi u ta' sigurtà huma wkoll fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mas-suġġetti li ċ-ċittadini jridu li l-Parlament Ewropew jindirizza bħala prijorità. Erbgħa minn kull għaxar Ewropej isemmu l-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja (43%), segwiti mid-difiża u s-sigurtà tal-UE (31%), il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (31%) u l-appoġġ għall-ekonomija u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda (29%). L-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja huma prijorità ewlenija fil-gruppi tal-etajiet kollha, bl-ogħla riżultati rreġistrati fil-Portugall (57%), fi Franza (56%), fis-Slovakkja (56%), fil-Kroazja (54%) u fl-Estonja (54%).

Bħala suġġetti li l-PE għandu jindirizza bi prijorità, 46% tar-rispondenti Maltin jidentifikaw l-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet, u l-għoli tal-ħajja, 35% aktar appoġġ għas-saħħa pubblika, 29% l-migrazzjoni u l-ażil, filwaqt li 14% jagħtu prijorità lid-difiża u s-sigurtà tal-UE. Bħal f'pajjiżi oħra tal-UE, f'Malta, l-inflazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet, u l-għoli tal-ħajja huma t-tħassib ewlieni fil-gruppi kollha ta’ etajiet differenti, minn dawk li għandhom 15-il sena ‘l fuq sa dawk li għandhom 55 sena u aktar.

Kif deher fl-istħarriġ preċedenti tal-PE, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja diġà kellhom rwol ewlieni bħala element ta’ motivazzjoni fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej u s-sitwazzjoni ekonomika għadha ta’ tħassib ewlieni għal ħafna Ewropej. Terz (33%) tar-rispondenti qed jistennew li l-istandard tal-għajxien tagħhom jonqos fil-ħames snin li ġejjin, seba’ punti aktar milli f’Ġunju-Lulju 2024. Dan huwa l-każ għal 53 % tar-rispondenti Franċiżi (+8 pp) u 47 % tal-Ġermaniżi (+15 pp). F’Malta 33% jistennew li l-istandard tal-għajxien tagħhom jiżdied, u 22 % jistennew li jonqos, biż-żewġ valuri jiżdiedu b’6 punti perċentwali kull wieħed.

Il-paċi u d-demokrazija jibqgħu l-valuri ewlenin tal-UE

Meta wieħed iħares lejn il-valuri li l-Ewropej jixtiequ li l-Parlament Ewropew jiddefendi, il-paċi (45%), id-demokrazija (32%), u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE u madwar id-dinja (22%) jiġu l-ewwel. L-istess għall-Maltin, fejn 39% enfasizzaw il-paċi u 33% id-demokrazija.

Bħala medja tal-UE, ir-riżultati għal din il-mistoqsija baqgħu stabbli, filwaqt li enfasizzaw l-appoġġ sod taċ-ċittadini għall-valuri u l-prinċipji fundaturi tal-UE.

Żewġ terzi taċ-ċittadini jappoġġjaw rwol aktar b'saħħtu għall-PE

Kif juru x-xejriet storiċi, f’mumenti ta’ kriżi ċ-ċittadini jħarsu lejn l-UE għal azzjonijiet u soluzzjonijiet deċiżivi. Meta l-UE titqies li qed tingħaqad u tikseb ir-riżultati, l-indikaturi ta’ appoġġ huma għoljin – kif bħalissa huwa l-każ. 50% ta’ dawk li wieġbu għandhom immaġni pożittiva tal-UE. F’Malta, 55% għandhom din l-immaġni pożittiva.

F’dawn l-aħħar għaxar snin, din il-perċezzjoni pożittiva kienet ogħla darba biss (f’livell ta’ 52%), fir-rebbiegħa tal-2022, wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. L-immaġni pożittiva tal-PE hija stabbli f'livell għoli (41%). Din hija ogħla f’Malta, bi 48%.

Ftit xhur biss wara l-bidu tal-leġislatura, aktar minn sitta minn kull għaxar ċittadini (62%) jixtiequ jaraw lill-Parlament Ewropew jaqdi rwol aktar importanti, żieda ta’ sitt punti perċentwali meta mqabbla ma’ Frar-Marzu 2024, ftit xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Ġunju 2024.

70% tal-Maltin li wieġbu jixtiequ li l-Parlament Ewropew ikollu rwol aktar importanti.

Ir-riżultati sħaħ jistgħu jinstabu hawn.


Sfond

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tax-Xitwa 2025 tal-Parlament Ewropew twettaq bejn id-9 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar 2025 fis-27 Stat Membru kollha tal-UE. L-istħarriġ sar wiċċ ‘imb wiċċ, b’intervisti bil-vidjo użati wkoll fiċ-Ċekja, fid-Danimarka, fil-Finlandja, f’Malta, fl-Olanda, u fl-Iżvezja. B’kollox saru 26,354 intervista u r-riżultati tal-UE huma ponderati skont id-daqs tal-popolazzjoni f’kull pajjiż.