Il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu 2025: għaxar finalisti magħżula
Il-ġurija tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu għażlet għaxar investigazzjonijiet għall-ħames edizzjoni tal-premju.
L-investigazzjonijiet magħżula huma:
European missile group MBDA selling parts for bombs that have killed children in Gaza
Disclose, The Guardian, Follow the Money
The Forever Lobbying Project
Le Monde and various media outlets
Les forçats du cybercrime (Cyberslaves)
Paris Match
Wide-angle frame of death (part 1 and part 2)
Novosti
Dirty Payments
Mediapart, European Investigative Collaborations (EIC) and 20 media outlets
The Viktoriia Project
Forbidden Stories and various media outlets
‘Make a Molotov Cocktail’: How Europeans are recruited through Telegram to commit sabotage, arson and murder
Delfi, OCCRP, Paper Trail Media, Der Standard, Tamedia, ZDF, Re:Baltica
Ecocide in Iraq: How big oil companies are turning marshlands into deserts
IrpiMedia, JournalismFund Europe, IJ4EU
The Shadow Fleet Secrets
Follow the Money and various media outlets
Die unsichtbare Front
Missy Magazine
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar kull finalist hawnhekk.
Bejn il-21 ta’ Mejju u l-31 ta’ Lulju 2025, mijiet ta’ ġurnalisti mis-27 pajjiż tal-UE ppreżentaw l-istejjer tagħhom biex jiġu kkunsidrati. Intgħażlu għaxar finalisti minn 316-il sottomissjoni.
Ir-rebbieħ se jitħabbar f’ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li se ssir nhar it-Tlieta 21 ta’ Ottubru 2025, filgħaxija, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu (fis-Sala Stampa Daphne Caruana Galizia). Il-finalisti se jkunu preżenti fiċ-ċerimonja kif ukoll fis-seminar dwar il-Libertà tal-Istampa li se jiġi organizzat aktar kmieni fl-istess ġurnata.
Aktar tard, se jkun hemm stedina lill-ġurnalisti akkreditati biex jattendu ż-żewġ avvenimenti.
Seminar għall-istampa qabel iċ-ċerimonja
Is-servizzi tal-midja tal-Parlament Ewropew ser jorganizza wkoll seminar tal-istampa ftit sigħat qabel iċ-ċerimonja.
Is-seminar se janalizza r-rwol tal-ġurnalisti fid-dinja tal-lum u t-theddid li jiffaċċjaw. Is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fil-Lvant Nofsani ser tkun fiċ-ċentru tad-diskussjoni, bil-ġurnalisti Palestinjani u Iżraeljani jaqsmu l-esperjenzi diretti tagħhom ta' din it-traġedja.
Is-seminar se jinfetaħ (online) mill-awtur u l-ġurnalist Taljan Roberto Saviano, u se jingħalaq mill-ġurnalista Russa u l-President tal-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni, Maria Konstantinovna Pevchikh, flimkien ma’ Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia. Se jiġu ppreżentati wkoll l-10 proġetti magħżula bħala finalisti għall-Premju.
Biex inkunu nistgħu niddeterminaw kemm ġurnalisti se jeħtieġu aċċess għas-seminar tal-istampa u biex nirranġaw intervisti mal-kelliema u l-finalisti, jekk jogħġbok irreġistra għall-avveniment u/jew l-intervisti sas-16 ta’ Ottubru fl-10:00 am permezz ta’ din il-link.
Dwar il-Premju
Il-Premju nbeda fl-2020 u huwa miftuħ għal ġurnalisti professjonisti u timijiet ta’ ġurnalisti professjonisti ta’ kull nazzjonalità. Huma jistgħu jissottomettu xogħlijiet fil-fond li jkunu ġew ippubblikati jew imxandra mill-media bbażata f’wieħed mis-27 pajjiż tal-UE.
Ġurija indipendenti magħmula minn rappreżentanti tal-istampa u tas-soċjetà ċivili mis-27 Stat Membru flimkien ma’ rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-ġurnaliżmu ewlenin, se tagħżel il-finalist rebbieħ.
Il-premju u l-valur fi flus ta’ €20,000 huma turija tal-appoġġ qawwi li l-Parlament Ewropew jagħti lill-ġurnaliżmu investigattiv u tal-importanza ta’ stampa ħielsa.
Rebbieħa tas-snin preċedenti
2021 - “The Pegasus Project”, ikkoordinat minn Forbidden Stories
2022 - Dokumentarju dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt l-influwenza Russa, ta’ Clément Di Roma u Carol Valade (ARTE/France24/Le Monde)
2023 - Investigazzjoni konġunta dwar in-nawfraġju tal-bastiment tal-migranti f’Pylos (Solomon, b’kollaborazzjoni ma’ Forensis, StrgF/ARD, u The Guardian)
2024 - Investigazzjoni dwar l-għajbien ta’ tfal migranti mhux akkumpanjati (Lost in Europe)
Min kienet Daphne Caruana Galizia?
Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista, blogger u attivista kontra l-korruzzjoni Maltija li rrappurtat b’mod estensiv dwar il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, il-bejgħ taċ-ċittadinanza u r-rabtiet tal-gvern Malti mal-Panama Papers. Wara fastidju u theddid, hija nqatlet fi splużjoni kkawżata minn karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017. L-għagħa li qam dwar il-mod li bih l-awtoritajiet mexxew l-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha wassal għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Wara li kienu kkritikaw in-nuqqasijiet fl-investigazzjoni, f’Diċembru 2019 il-Membri tal-PE appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni.
Kuntatti:
-
Daphne Caruana Galizia Journalism Prize secretariat
Informazzjoni ta' kuntatt: -
John SCHRANZ
Press Officer (MT)