Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0077/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0077/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti tad-drittijiet tal-bniedem Pham Chi Dung, Nguyen Tuong Thuy u Le Huu Minh Tuan

20.1.2021 - (2021/2507(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0077/2021 (Verts/ALE)
B9-0078/2021 (ECR)
B9-0079/2021 (S&D)
B9-0081/2021 (Renew)
B9-0082/2021 (PPE)

Michael Gahler, Seán Kelly, Željana Zovko, Sandra Kalniete, David McAllister, Paulo Rangel, Antonio López-Istúriz White, Manolis Kefalogiannis, Tomáš Zdechovský, Miriam Lexmann, Vangelis Meimarakis, Vladimír Bilčík, Lefteris Christoforou, Inese Vaidere, Christian Sagartz, Stelios Kympouropoulos, Loránt Vincze, Krzysztof Hetman, Magdalena Adamowicz, Ivan Štefanec, Janina Ochojska, Eva Maydell, Luděk Niedermayer, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Ioan-Rareş Bogdan, Benoît Lutgen, Maria Walsh, Michaela Šojdrová, Isabel Wiseler-Lima, Peter Pollák
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Marianne Vind
f'isem il-Grupp S&D
Urmas Paet, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Engin Eroglu, Vlad Gheorghe, Klemen Grošelj, Bernard Guetta, Svenja Hahn, Karin Karlsbro, Moritz Körner, Javier Nart, Samira Rafaela, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans
f'isem il-Grupp Renew
Saskia Bricmont, Hannah Neumann
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Witold Jan Waszczykowski, Raffaele Fitto, Adam Bielan, Assita Kanko, Ryszard Czarnecki, Geert Bourgeois, Emmanouil Fragkos, Elżbieta Kruk, Eugen Jurzyca, Valdemar Tomaševski, Bogdan Rzońca, Elżbieta Rafalska, Jadwiga Wiśniewska
f'isem il-Grupp ECR
Silvia Modig, Nikolaj Villumsen, Fabio Massimo Castaldo


Proċedura : 2021/2507(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0077/2021
Testi mressqa :
RC-B9-0077/2021
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti tad-drittijiet tal-bniedem Pham Chi Dung, Nguyen Tuong Thuy u Le Huu Minh Tuan

(2021/2507(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi[1], tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa[2], u tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam[3],

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam[4], u l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Protezzjoni ta' Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (IPA)[5],

 wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra, iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012, li daħal fis-seħħ f'Ottubru 2016 (FSK),

 wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam (EVFTA),

 wara li kkunsidra l-Għaxar Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam tad-19 ta' Frar 2020,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) mill-kelliem tiegħu tas-6 ta' Jannar 2021 dwar il-kundanna ta' tliet ġurnalisti (Pham Chi Dung, Nguyen Tuong Thuy u Le Huu Minh Tuan),

 wara li kkunsidra l-messaġġ mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Vjetnam rigward id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta' Ho Chi Minh City ta' Jannar 2021 biex twettaq il-kundanna iebsa li ngħatat lill-membri tal-Grupp Hiến Pháp,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU tal-14 ta' Jannar 2021 bit-titolu "Viet Nam: Arrests send chilling message before key Party meeting" (Vjetnam: L-arresti jibagħtu messaġġ ta' tkexkix qabel laqgħa ewlenija tal-Partit),

 wara li kkunsidra n-noti ta' tagħrrif għall-istampa tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Jannar 2021 dwar il-Vjetnam, u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta' Ġunju 2020 bit-titolu: "Asia: Bachelet alarmed by clampdown on freedom of expression during COVID-19" (L-Asja: Bachelet allarmata bir-ripressjoni tal-libertà tal-espressjoni matul il-COVID-19),

 wara li kkunsidra l-ittri ta' allegazzjoni konġunti mill-Proċeduri Speċjali tan-NU tas-17 ta' Settembru 2020 dwar it-tliet ġurnalisti u tat-22 ta' Jannar 2020 dwar żewġ individwi inkluż il-ġurnalist Pham Chi Dung, u r-risposti rispettivi mill-Gvern Vjetnamiż tat-28 ta' Diċembru 2020 u tat-18 ta' Marzu 2020,

 wara li kkunsidra t-tielet rapport perjodiku tal-Vjetnam (CCPR/C/VNM/3) tal-11 u tat-12 ta' Marzu 2019 u tal-osservazzjonijiet finali dwaru tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-29 ta' Awwissu 2019,

 wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs) tal-2011,

 wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Vjetnam aderixxa miegħu fl-1982,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-5 ta' Jannar 2021, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti Pham Chi Dung, Nguyen Tuong Thuy u Le Huu Minh Tuan, membri tal-Assoċjazzjoni ta' Ġurnalisti Indipendenti tal-Vjetnam (IJAVN), ingħataw kundanna b'pieni iebsa ta' priġunerija ta' 15, 11 u 11-il sena rispettivament mill-Qorti tal-Poplu ta' Ho Chi Minh City għal, fost akkużi oħra, "ħolqien, ħżin u tixrid ta' informazzjoni, materjali u oġġetti bl-iskop li jopponu l-Istat"; billi l-iskop tar-rappurtar rispettiv tagħhom jinkludu l-ġestjoni ħażina u l-korruzzjoni tal-gvern, it-trattament tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Vjetnamiżi, u l-moviment favur id-demokrazija fil-Vjetnam;

B. billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi qegħdin ikomplu jibagħtu l-ħabs lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-ġurnalisti, lill-bloggers, lill-avukati tad-drittijiet tal-bniedem, lill-attivisti tas-soċjetà ċivili u lit-trade unjonisti fil-pajjiż, kif ukoll iżommuhom taħt detenzjoni u jintimidawhom; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw sentenzi twal ta' priġunerija għall-ħidma tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u talli jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline; billi bħalissa l-Vjetnam għandu f'detenzjoni l-ogħla numru ta' priġunieri politiċi fix-Xlokk tal-Asja, inkluż 170 priġunier minħabba twemmin, li minnhom 69 qed jinżammu biss għall-attività tagħhom fuq il-midja soċjali; billi ħafna priġunieri politiċi qed jinżammu taħt klawsoli tas-sigurtà nazzjonali b'diċitura vaga li mhumiex konsistenti mal-Kostituzzjoni Vjetnamiża u t-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem bħall-ICCPR, li tiegħu l-Vjetnam huwa Stat Parti;

C. billi l-attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem jiffaċċjaw kundizzjonijiet ħarxa fid-detenzjoni, inklużi ċaħda ta' aċċess għall-kura medika, konsulenza legali u kuntatt mal-familja, u ħafna drabi jkunu soġġetti għall-vjolenza, it-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin; billi l-proċessi tagħhom, li ħafna drabi jkunu mgħaġġla wisq, ma jissodisfawx l-istandards bażiċi tal-imparzjalità, il-ġustizzja, u l-indipendenza tal-qrati; billi l-konfessjonijiet jiġu miksuba regolarment taħt pressjoni u mxandra fuq it-televiżjoni;

D. billi Pham Chi Dung, ġurnalisti indipendenti, kien qed jagħmel kampanji biex jiddefendi l-ambjent, id-demokrazija, il-libertà tal-istampa, il-pluraliżmu politiku, l-istat tad-dritt, u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, inżamm f'detenzjoni arbitrarja minn Novembru 2019 b'akkużi ta' "kooperazzjoni mal-midja barranija biex iwassal informazzjoni mgħawġa"; billi dawn l-akkużi tressqu wara li bagħat messaġġ b'video lill-Membri tal-PE fejn ħeġġiġhom jipposponu r-ratifika tal-EVFTA sakemm isir aktar progress fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; billi Pham Chi Dung kien diġà inżamm għal sitt xhur fl-2012 bl-istess akkużi;

E. billi ftit wara l-arrest ta' Pham Chi Dung, is-sit web tal-IJAVN ingħalaq mill-awtoritajiet; billi Ngyuen Tuong Thuy ġie arrestat fl-appartament tiegħu ta' Hanoi fit-23 ta' Mejju 2020 u Le Huu Minh Tuan ġie arrestat fit-12 ta' Ġunju 2020; billi t-tliet difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew soġġetti għal fastidju u intimidazzjoni mill-awtoritajiet Vjetnamiżi qabel l-arrest arbitrarju u l-kundanna tagħhom;

F. billi skont ir-rapporti tas-soċjetà ċivili, kważi 80 % tal-priġunieri minħabba twemmin fil-Vjetnam jinsabu l-ħabs għall-attività tagħhom fuq il-midja soċjali; billi mill-inqas żewġ pjattaformi globali tal-midja soċjali żiedu sostanzjalment il-konformità tagħhom mar-restrizzjonijiet tal-libertà tal-kelma u l-liġi taċ-ċensura tal-Vjetnam, inkluż permezz taċ-ċensura tal-kritika paċifika tal-istat, l-espansjoni tal-imblukkar ġeografiku u t-tneħħija ta' "propoganda kontra l-Partit u l-Istat", bi ksur tal-istandards universali bħall-UNGPs, u l-kodiċi ta' kondotta tagħhom stess;

G. billi l-Vjetnam huwa kklassifikat fil-175 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa 2020 ta' Reporters Without Borders; billi kważi l-mezzi tal-midja kollha fil-Vjetnam huma sjieda tal-istat u kkontrollati minnu, u teżisti ċ-ċensura, inkluż ta' xandara u pubblikazzjonijiet barranin; billi l-Gvern Vjetnamiż kompla jipprojbixxi l-operat tal-mezzi tal-midja indipendenti jew privati u jeżerċita kontroll strett fuq l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u fuq pubblikazzjonijiet stampati; billi f'April 2016, l-Assemblea Nazzjonali għaddiet liġi tal-midja li tirrestrinġi b'mod sever il-libertà tal-istampa fil-Vjetnam;

H. billi fit-12 ta' Ġunju 2018 l-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam għaddiet liġi dwar iċ-ċibersigurtà bil-għan li tissikka l-kontrolli online, li tirrikjedi lill-fornituri jħassru posts li huma jqisu li huma ta' "theddida" għas-sigurtà nazzjonali; billi din il-liġi timponi restrizzjonijiet ħorox fuq il-libertà tal-espressjoni online u għandha l-għan li b'mod sever thedded id-dritt għall-privatezza;

I. billi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa ggarantit mill-Kostituzzjoni Vjetnamiża, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u konvenzjonijiet internazzjonali oħra li l-Vjetnam iffirma, inkluż l-ICCPR; billi, fil-kuntest tal-Eżami Perjodiku Universali tan-NU, il-Vjetnam aċċetta rakkomandazzjonijiet biex jiggarantixxi l-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni u jneħħi r-restrizzjonijiet fuqha;

J. billi fl-1 ta' Jannar 2018 daħlet fis-seħħ l-ewwel liġi tal-Vjetnam dwar it-twemmin u r-reliġjon, li tobbliga lill-gruppi reliġjużi kollha fil-pajjiż biex jirreġistraw mal-awtoritajiet u jinfurmawhom dwar l-attivitajiet tagħhom; billi l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw jew ixekklu applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni u jipprojbixxu attivitajiet reliġjużi li huma jqisu, b'mod arbitrarju, li jmorru kontra l-"interess nazzjonali", l-"ordni pubbliku" jew l-"unità nazzjonali";

K. billi l-Kodiċi Kriminali tal-Vjetnam fih dispożizzjonijiet ripressivi li qegħdin jintużaw b'mod abbużiv biex isikktu, jarrestaw, iżommu taħt detenzjoni, jikkundannaw jew jirrestrinġu l-attività tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dissidenti, avukati, trade unions, gruppi reliġjużi u organizzazzjonijiet mhux governattivi, b'mod partikolari dawk li jesprimu fehmiet kritiċi dwar il-Gvern tal-Vjetnam;

L. billi l-piena tal-mewt għadha tiġi applikata fil-pajjiż, iżda l-għadd ta' eżekuzzjonijiet mhumiex magħrufa peress li l-awtoritajiet Vjetnamiżi jikklassifikaw l-istatistika dwar il-piena tal-mewt bħala sigriet tal-istat;

M. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Vjetnam huma bbażati fuq il-FSK bejn l-UE u l-Vjetnam, li d-drittijiet tal-bniedem huma element essenzjali tiegħu, u li jipprevedi s-sospensjoni tal-istrumenti ta' kooperazzjoni bilaterali, inklużi l-preferenzi kummerċjali bilaterali, f'każ ta' ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem;

N. billi, skont il-FSK bejn l-UE u l-Vjetnam, u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 35 tiegħu, il-Vjetnam impenja ruħu li jikkoopera mal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi tali kooperazzjoni tinkludi l-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-ICCPR, li għalihom il-Vjetnam huwa Stat Parti; billi teżisti rabta ċara bejn il-FSK bejn l-UE u l-Vjetnam u l-EVFTA, fejn iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jissodisfaw l-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-klawsola tal-elementi essenzjali fil-FSK bejn l-UE u l-Vjetnam tippermetti miżuri xierqa fil-każ ta' ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem;

O. billi t-tieni Kumitat Konġunt skont l-FSK bejn l-UE u l-Vjetnam irrieżamina l-proposti għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-implimentazzjoni tal-ICCPR, u aċċetta r-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-Eżami Perjodiku Universali, waqt il-laqgħa online tal-15 ta' Diċembru 2020;

1. Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Pham Chi Dung, Nguyen Tuong Thuy u Le Huu Minh u lill-ġurnalisti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, lit-trade unjonisti u l-priġunieri minħabba t-twemmin tagħhom oħra, li ġew detenuti u kkundannati sempliċement talli eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, u wkoll biex iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom;

2. Huwa xxukkjat u jikkundanna r-ripressjoni dejjem aktar qawwija fuq il-protesti u l-ksur dejjem jikber tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, inkluż l-ikkundannar, l-intimidazzjoni politika, is-sorveljanza, il-fastidju, il-proċessi inġusti u l-eżilji furzati u l-attakki fuq attivisti politiċi, ġurnalisti, bloggers, dissidenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem talli eżerċitaw il-libertà tal-espressjoni tagħhom, li huma ksur ċar tal-obbligi internazzjoni tal-Vjetnam dwar id-drittijiet tal-bniedem;

3. Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex minnufih itemmu kwalunkwe forma oħra ta' fastidju, fosthom il-fastidju ġudizzjarju u l-intimidazzjoni ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, attivisti u tal-individwi kollha li jipparteċipaw fl-eżerċizzju paċifiku tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u ta' drittijiet tal-bniedem oħra, kemm online kif ukoll offline;

4. Jesprimi tħassib serju dwar il-popolazzjoni eċċessiva u l-kundizzjonijiet mhux sanitarji fil-ħabsijiet Vjetnamiżi, li jżidu r-riskju ta' infezzjoni mill-COVID-19 u mard ieħor; itenni t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-ħelsien ta' dawk kollha detenuti mingħajr bażi legali suffiċjenti, inklużi l-priġunieri politiċi u dawk kollha detenuti minħabba fehmiet dissidenti; jinsisti li, sakemm jinħelsu, l-awtoritajiet Vjetnamiżi jeħtiġilhom jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, is-sikurezza fiżika u l-benessri psikoloġiku tal-priġunieri kollha, inklużi Pham Chi Dung, Nguyen Tuong Thuy u Le Huu Minh Tuan, u jiżguraw li t-trattament tal-priġunieri politiċi u d-detenuti l-oħra kollha jkun konformi mal-istandards internazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li d-dritt ta' aċċess għall-avukati, il-professjonisti mediċi u l-membri tal-familja huwa salvagwardja importanti kontra t-tortura u t-trattament ħażin;

5. Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi jtemmu ċ-ċensura tal-aħbarijiet u tal-midja indipendenti li jiġu prodotti kemm minn aġenziji tal-aħbarijiet domestiċi kif ukoll internazzjonali, fosthom il-IJVAN, itemmu r-restrizzjonijiet fuq sorsi ta' informazzjoni online u fuq l-użu tal-internet, u jipprovdu spazju sikur fejn il-ġurnalisti, kemm professjonali, kif ukoll dawk ċittadini, bloggers u oħrajn jesprimu lilhom infushom online;

6. Jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta' parteċipazzjoni ta' networks tal-midja soċjali globali fi sforzi mill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni, u jħeġġeġ lill-pjattaformi globali tal-midja soċjali biex ma jkunux kompliċi fiċ-ċensura li għaddejja bħalissa fil-Vjetnam;

7. Jappella lill-Gvern tal-Vjetnam ineħħi r-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà tar-reliġjon u jtemm il-fastidju fuq il-komunitajiet reliġjużi;

8. Iħeġġeġ lill-Gvern Vjetnamiż jirrevedi d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali tal-Vjetnam, b'mod partikolari l-Artikoli 117, 118 u 331, li jillimitaw bla bżonn id-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, u biex jemendaw il-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà u d-Digrieti 15/2020/ND-CP dwar il-pieni għall-ksur amministrattiv tar-regolamenti dwar is-servizzi postali, it-telekomunikazzjonijiet, il-frekwenzi tar-radju, it-teknoloġija tal-informazzjoni u t-tranżazzjonijiet elettroniċi, u 72/2013/ND-CP dwar il-ġestjoni, il-forniment u l-użu tas-servizzi tal-internet u l-kontenut tal-informazzjoni online, bil-għan li dawn jikkonformaw mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-fatt li hija meħtieġa wkoll riforma tal-Kodiċi Kriminali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjonijiet 98 u 87 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li l-Vjetnam huwa impenjat li jirratifika;

9. Jappella lill-Vjetnam iħaffef il-pass tar-ratifika tal-Konvenzjoni 87 tal-ILO dwar il-Libertà tal-Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, u jiżgura d-dħul fis-seħħ malajr tagħha, kif ukoll jipprovdi pjan direzzjonali kredibbli għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni 105 tal-ILO dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat u l-Konvenzjoni Nru 98 dwar id-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv; jappella lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jirrikonoxxu l-unions tax-xogħol indipendenti u jipproteġu lill-ħaddiema kollha, speċjalment lin-nisa u t-tfal, kontra d-diskriminazzjoni, il-fastidju sesswali, il-ksur tal-livell limitu tal-overtime, u ksur tal-obbligi ta' sikurezza u tas-saħħa;

10. Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-UNGPs, u jappella lill-kumpaniji bbażati ġewwa l-UE jew li joperaw fiha biex jikkonformaw mal-UNGPs u mad-dritt internazzjonali kif ukoll mad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem;

11. Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi jintroduċu moratorju immedjat fuq l-użu tal-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jitlob rieżami tal-pieni tal-mewt kollha biex jiġi żgurat li l-proċessi jaderixxu għall-istandards internazzjonali, u għall-adeżjoni tal-Vjetnam mat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-ICCPR, li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt;

12. Jissottolinja li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi bażi ewlenija tar-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Vjetnam u l-UE u huwa element essenzjali tal-FSK bejn l-UE u l-Vjetnam u tal-EVFTA;

13. Jilqa' s-sħubija msaħħa u d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam, speċjalment l-istabbiliment ta' Grupp ta' Monitoraġġ Parlamentari Konġunt (JPMG) tal-PE flimkien mal-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-EVFTA u tal-IPA, li jistgħu jiffaċilitaw id-djalogu lil hinn mill-kummerċ; ifakkar fl-importanza tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala strument ewlieni li għandu jintuża b'mod effettiv biex jakkumpanja lill-Vjetnam u jinkoraġġih jimplimenta r-riformi meħtieġa; jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem isaħħu d-djalogu mal-Vjetnam fl-ogħla livelli;

14. Jirrikonoxxi r-rabta istituzzjonali u legali bejn l-EVFTA u l-FSK, li tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem jitqiegħdu fil-qalba tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam; jitlob lill-Partijiet kollha biex jagħmlu użu tal-ftehimiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, u jissottolinja l-importanza ta' djalogu kostruttiv u effettiv dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; ifakkar lill-Gvern tal-Vjetnam, fid-dawl tal-għadd kbir ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għaddej bħalissa, li l-FSK bejn l-UE u l-Vjetnam, li hu marbut mal-EVFTA, jippermetti li tittieħed azzjoni adegwata fl-eventwalità ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li jfisser pożizzjoni aktar iebsa fil-konfront tal-Gvern Vjetnamiż; jilqa' l-opportunità li jqajjem kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-laqgħat tal-JPMG dwar l-EVFTA mal-Parlament Vjetnamiż, u jilqa' wkoll il-fatt li l-ewwel laqgħa ta' dan it-tip saret f'Diċembru 2020;

15. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE sabiex b'mod rapidu jwettqu valutazzjoni tal-impatt komprensiva dwar id-drittijiet tal-bniedem dwar dak li EVFTA jista' jfisser għad-drittijiet tal-bniedem, li huwa dak li talab il-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-ratifika tal-ftehim; jappella għall-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni sabiex tiġi indirizzata b'effikaċja r-ripressjoni dejjem aktar intensiva mill-Vjetnam, kif ukoll in-nuqqas tiegħu li jirrispetta l-obbligi tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jirrapportaw regolarment lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan ta' azzjoni;

16. Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Vjetnam biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll mekkaniżmu indipendenti tal-ilmenti, biex iċ-ċittadini u l-partijiet interessati lokali milquta jingħataw rikors effettiv għar-rimedju;

17. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi dwar l-EVFTA għadhom mhumiex jiffunzjonaw, u jtenni t-talba tiegħu għal rappreżentanza wiesgħa u bbilanċjata ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, ħielsa u diversi fi ħdan dawn il-gruppi, inklużi organizzazzjonijiet indipendenti Vjetnamiżi mis-setturi tax-xogħol u tal-ambjent, kif ukoll difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jieqfu minn kwalunkwe indħil mhux mistħoqq fil-kompożizzjoni u l-funzjonament ta' dan il-korp, kif ukoll mit-theddid jew rappreżalji kontra l-membri magħżula tiegħu;

18. Iħeġġeġ lill-Vjetnam joħroġ stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali tan-NU biex iżuru l-Vjetnam, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali dwar il-Libertà ta' Opinjoni u Espressjoni u lir-Rapporteur Speċjali dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħtihom aċċess ħieles u mingħajr xkiel għall-partijiet kollha li jixtiequ jikkonsultaw;

19. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE u lill-Kummissjoni, biex jappoġġaw b'mod attiv lill-ġurnalisti, lill-gruppi tas-soċjetà ċivili u lill-individwi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, inkluż billi jitolbu għall-ħelsien ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lil priġunieri minħabba twemmin, f'kull kuntatt li jkollhom mal-awtoritajiet Vjetnamiżi; iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE f'Hanoi tipprovdi l-appoġġ kollu xieraq għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs inkluż billi torganizza żjarat fil-ħabs, tissorvelja l-proċessi u tipprovdi assistenza legali;

20. Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE biex il-każijiet imsemmija f'din ir-Riżoluzzjoni, kif imqajma mill-korpi u mill-esperti tan-NU, inkluż, fost ħafna oħrajn ta' Tran Huynh Duy Thuc, Ho Duc Hoa, Tran Anh Kim, Le Thanh Tung, Phan Kim Khanh, Tran Hoang Phuc, Hoang Duc Binh, Bui Van Trung, Truong Minh Duc, Nguyen Trung Ton, Pham Van Troi, Nguyen Bac Truyen, Le Dinh Luong, Nguyen Van Tuc, Nguyen Trung Truc, Pham Van Diep, Nguyen Nang Tinh, Tran Duc Thach, Pham Doan Trang, Can Thi Theu, Trinh Ba Phuong, Trinh Ba Tu, Dinh Thi Thu Thuy, Nguyen Thi Ngoc Hanh, Ngo Van Dung, Le Quy Loc and Ho Dinh Cuong;

21. Iħeġġeġ lill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE jiddiskuti s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam; jistieden lill-Istati Membri, sabiex b'determinazzjoni jressqu t-tħassib tagħhom dwar tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed teħżien fil-Vjetnam, preferibbilment qabel it-Tlettax-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista tal-Vjetnam; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi internazzjonali tagħhom sabiex waqt il-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jippromwovu inizjattiva konġunta flimkien ma' sħab tal-istess fehma, u b'mod partikolari mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, bil-għan li jaħdmu favur titjib konkret tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam;

22. Jistieden lill-UE tkompli taħdem lejn sistema ta' kontroll effettiv tat-trasport, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kull forma ta' tagħmir ta' sigurtà, ta' armi u ta' oġġetti b'użu doppju, inkluża t-teknoloġija ta' sorveljanza tal-internet, bil-għan li jiġi evitat l-użu tagħhom għal ripressjoni interna minn stati b'rekord inkwetanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Vjetnam;

23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2021
Avviż legali - Politika tal-privatezza