• EN - English
  • MT - Malti
Mistoqsija Parlamentari - E-4254/2005(ASW)Mistoqsija Parlamentari
E-4254/2005(ASW)

Tweġiba mogħtija mis-Sur Kyprianou f’isem il-Kummissjoni

Il-Kummissjoni rċeviet għadd ta’ ilmenti marbuta mal-prassi tal-European City Guide, kemm minn negozji affettwati minnha kif ukoll minn Membri tal-Parlament Ewropew li jikbtu f’isem il-kostitwenti tagħhom.

Ġeneralment, prassi bħal dik deskritta fil-mistoqsija ta’ l-Onorevoli Membru hija ekwivalenti għal reklamar qarrieqi. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi għodda kontra frodi ta' din ix-xorta fl-għamla tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta' l-10 ta' Settembru 1984[1] dwar reklamar qarrieqi u komparattiv kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 1997[2]. Din id-Direttiva ġiet trasposta fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali ta’ l-Istati Membri kollha u tipprevedi l-użu ta’ ordnijiet ta’ waqfien jew proċedimenti legali oħra sabiex ikun ipprojbit li jibqa’ jintuża r-reklamar qarrieqi.

Il-Kummissjoni ma għandhiex setgħat biex tinforza d-Direttiva fil-livell ta’ individwi għaliex din taqa' taħt il-kompetenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-infurzar fil-pajjiżi li minnhom joperaw skemi bħal dawn. Huwa f'idejn il-qrati tal-ġustizzja kompetenti u/jew l-awtoritajiet pubbliċi ta' infurzar ta' l-Istati Membri li jiddeċiedu, f'kull każ, jekk komunikazzjoni kummerċjali għandhiex titqies qarrieqa jew le u li jieħdu azzjonijiet xierqa ta' infurzar. Il-Kummissjoni tista' tibda proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri biss jekk isir ovvju li dawn mhumiex qed japplikaw id-Direttiva.

Minkejja li l-Kummissjoni ma tistax tieħu azzjoni diretta kontra kumpaniji bħall-European City Guide, madankollu, din issegwi mill-qrib l-attivitajiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali. Fil-każ tal-European City Guide, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-awtoritajiet Katalani ħadu diversi miżuri kontra l-kumpanija, fosthom deċiżjoni fl-2003 biex din tingħalaq u biex teħel multa ta’ EUR 300000. Din id-Deċiżjoni ġiet appellata, u jidher li l-European City Guide sadanittant mexxiet l-attivitajiet tagħha minn Barcellona għal Valencia.

Fuq dan l-isfond, u fil-limiti tal-kompetenza Komunitarja f’dan il-każ, il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur iddeċieda li jikkuntattja direttament lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jistudjaw dan il-każ u jieħdu l-miżuri xierqa. Il-Kummissarju qed jikteb personalment lill-kontroparti tiegħu Spanjol biex jiġbidlu l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni.

ĠU C 327, 30/12/2006