• EN - English
  • MT - Malti
Mistoqsija Parlamentari - E-4418/2006(ASW)Mistoqsija Parlamentari
E-4418/2006(ASW)

Tweġiba mogħtija mis-Sur Frattini f'isem il-Kummissjoni

L-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KE jistipula li kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jivvjaġġa u jgħix liberalment fit-territorju ta' l-Istati Membri, bil-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Trattat u l-miżuri adottati sabiex ipoġġuh fis-seħħ.

Il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet rispettivi jinsabu fid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jivvjaġġaw u jgħixu liberalment fit-territorju ta' l-Isati Membri.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jistipula li bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar applikabbli għall-kontrolli nazzjonali tal-fruntieri, l-Istati Membri għandhom jagħtu liċ-ċittadini ta' l-UE l-permess li jidħlu fit-territorju tagħhom b'karta ta' l-identità valida jew passaport validu.

Il-preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità valida jew passaport validu hija formalità amministrattiva li l-għan uniku tagħha huwa li tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali prova ta' dritt li l-persuna għandha bħala ċittadin ta' l-UE. L-ittimbrar tal-passaporti, li għandu l-għan li jistabbilixxi kemm tkun damet persuna fit-territorju ta' l-Istati Membri, għalhekk mhux permess fir-rigward taċ-ċittadini ta' l-UE.

Skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva, il-moviment liberu taċ-ċittadini ta' l-UE jista' jkun ristrett biss fuq il-bażi tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

Fir-rigward tal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni jew fuq il-fruntieri bejn l-Istati Membri li japplikaw għal kollox l-acquis ta' Schengen u l-Istati Membri li ma japplikawx għal kollox l-acquis ta' Schengen, ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament u l-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi tal-Komunità dwar ir-regoli li jirrigwardaw il-qsim tal-fruntieri mill-persuni (il-Kodiċi ta' Schengen dwar il-Fruntieri)[1] jistipula li ċ-ċittadini ta' l-UE għandhom ikunu sottoposti biss għal kontroll minimu sabiex ikunu stabbiliti l-identitajiet tagħhom fuq il-bażi tal-wiri jew il-preżentazzjoni tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar tagħhom.

Dan il-kontroll minimu jikkonsisti f'verifika sempliċi u li ma tiħux ħafna ħin, li fiha jintuża fejn ikun xieraq apparat tekniku u tkun kkonsultata, fil-banek tad-data relevanti, informazzjoni esklussivament dwar dokumenti misruqa, misappropprijati, mitlufa jew invalidati, jew il-validità tad-dokument li jawtorizza lid-detentur leġittimu sabiex jaqsam il-fruntiera u l-preżenza ta' sinjali ta' falsifikazzjoni.

Madankollu, fuq bażi mhux sistematika, meta jsiru dawn il-kontrolli minimi, il-gwardji tal-fruntieri jistgħu jikkonsultaw il-banek tad-data nazzjonali u Ewropej sabiex jiżguraw li dawn il-persuni ma jkunux jippreżentaw theddida ġenwina, preżenti u serja biżżejjed għas-sigurtà interna, il-politika pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta' l-Istati Membri jew theddida għas-saħħa pubblika.

Il-konsegwenzi ta' dawn il-konsultazzjonijiet m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt tad-dħul ta' ċittadini ta' l-UE fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat kif stabbilit fid-Direttiva 2004/38/KE002E.

Minbarra dan, il-Kummissjoni adottat fis-6 ta' Novembru 2006 Rakkomandazzjoni li pproduċiet “Manwal Prattiku għall-Gwardji tal-Fruntieri (il-Manwal ta' Schengen)” li għandu jkun użat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kontrolli tal-fruntieri fuq il-persuni. Il-Manwal hu maħsub sabiex ikun gwida għall-utent għall-gwardji tal-fruntieri fir-rigward ta' miżuri u deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fuq il-fruntieri u għandu jikkontribbwixxi għall-implimentazzjoni armonizzata tar-regoli tal-Komunità dwar il-kontrolli tal-fruntieri mill-awtoritajiet nazzjonali kollha kompetenti għat-twettiq tad-dmirijiet ta' kontroll tal-fruntieri.

Fir-rigward tal-passaġġi separati fil-punti tal-qsim tal-fruntieri, l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 jistipula li l-Istati Membri għandhom jipprovdu passaġġi separati f'punti ta' qsim tal-fruntieri bl-ajru sabiex isiru kontrolli fuq il-persuni u li għandu jkun hemm passaġġi riżervati għaċ-ċittadini ta' l-UE. Dawn il-passaġġi għandhom ikunu identifikati b'mod ċar. Madankollu, ċittadini ta' l-UE huma intitolati wkoll li jużaw il-passaġġi l-oħra li ma jkunux riżervati għalihom. Fi kwalunkwe każ, ma jistgħux ikunu esklużi milli jużaw il-passaġġi riżervati għalihom.

F'dak li jirrigwarda l-kontrolli li jsiru mil-linji ta' l-ajru, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri f'Awissu 2005, li kull leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva li mad-dħul titlob passaport biss (u ma taċċettax karta ta' l-identità) tmur kontra l-liġi tal-Komunità u li l-kumpaniji ta' l-ajru li huma intitolati li jwettqu kontrolli ta' l-identità f'kuntest kummerċjali ma jistgħux jimponu l-wiri ta' passaport.

ĠU C 329, 30/12/2006