Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

  • bg - български
  • es - español
  • cs - čeština
  • da - dansk
  • de - Deutsch
  • et - eesti keel
  • el - ελληνικά
  • en - English
  • fr - français
  • ga - Gaeilge
  • hr - hrvatski
  • it - italiano
  • lv - latviešu valoda
  • lt - lietuvių kalba
  • hu - magyar
  • mt - Malti (magħżula)
  • nl - Nederlands
  • pl - polski
  • pt - português
  • ro - română
  • sk - slovenčina
  • sl - slovenščina
  • fi - suomi
  • sv - svenska
Mistoqsijiet parlamentari
28 ta' Novembru 2007
E-5051/2007
Tweġiba mogħtija mis-Sur Figel' f'isem il-Kummissjoni

L-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ) fil-każijiet C 76/05 u C 318/05. Il-każijiet jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tat-taxxa u t-tnaqqis tat-taxxa limitati għal miżati ta' l-iskejjel imħallsa lil stabbilimenti privati nazzjonali.

B'mod partikolari, fil-Ġermanja l-miżati ta' l-iskejjel għall-attendenza fi skola privata huma koperti mill-benefiċċji tat-taxxa għal tfal dipendenti. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tillimita t-tnaqqis tat-taxxa tal-miżati ta' l-iskejjel għal dawk li joriġinaw mill-attendenza f'ċerti skejjel Ġermaniżi privati u twassal għal qagħda ta' taxxa aktar favorevoli għall-kontributuri fiskali kkonċernati. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kwistjoni ma tipprevedix taffija tat-taxxa meta l-iskola li l-persuna tattendi tkun tinsab fi Stati Membri oħrajn. Il-QEĠ eżaminat jekk il-korsijiet ipprovduti minn skola privata stabbilita fi Stat Membru ieħor jikkostitwux servizzi normali previsti għar-remunerazzjoni, fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 50 tat-Trattat tal-KE. Hija qatgħetha li permezz ta' l-esklużjoni ġenerali tal-miżati ta' l-iskejjel għal attendenza fi skola li tinsab fi Stat Membru ieħor mit-tnaqqis tat-taxxa għall-ispejjeż speċjali li jaqa' taħt il-liġi Ġermaniża tat-taxxa fuq id-dħul, il-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 18, 39, 43, 49 tat-Trattat tal-KE.

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Membru għad-distinzjoni bejn l-edukazzjoni offruta minn istituzzjonijiet privati u dik offruta minn isituzzjonijiet pubbliċi. Il-QEĠ teskludi mill-kunċett ta' servizzi fi ħdan l-Artikolu 50 tat-Trattat tal-KE korsijiet ipprovduti minn stabbilimenti li jiffurmaw parti minn sistema ta' edukazzjoni pubblika u ffinanzjati kompletament jew fil-biċċa l-kbira minn fondi pubbliċi (il-każijiet Humbel and Edel, C-263/86 u Wirth, C-109/92), minħabba li l-Istat Membru ma jiġix involut f'attivitajiet lukrattivi u attivitajiet għal remunerazzjoni, li hija l-karatteristika essenzjali tas-servizzi. Bħala kuntrast, il-korsijiet ipprovduti minn stabbilimenti ffinanzjati essenzjalment minn fondi privati jikkostitwixxu servizzi fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 50 tat-Trattat tal-KE. Fil-każijiet C-76/05 u C-318/05, li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Membru, il-QEĠ sabet li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża, li tikkonċerna lill-iskejjel privati, tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà tal-forniment tas-servizzi. It-Trattat jeskludi l-applikazzjoni ta' regoli nazzjonali li għandhom l-effett li jagħmlu l-forniment tas-servizzi bejn l-Istati Membri aktar diffiċli mill-forniment tas-servizzi purament fi ħdan Stat Membru.

L-Onorevoli Membru jirreferi għall-ħlas ta' għotjiet ta' manteniment lil studenti Maltin li jistudjaw f'pajjiżi oħra ta' l-UE. Għalhekk, il-każistika li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru mhijiex relevanti għall-kwistjoni li qed tiġi eżaminata. Il-Kummissjoni tixtieq tgħarraf lill-Onorevoli Membru li l-QEĠ tat sentenza fit-23 ta' Ottubru 2007, fil-każijiet konġunti C-11 u C-12/06, li tirreferi direttament għall-kwistjoni mqajma. F'dan il-każ il-QEĠ ddikjarat li meta Stat Membru jipprevedi sistema ta' għotjiet għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ li tippermetti li l-istudenti jirċievu għotjiet bħal dawn jekk isegwu l-istudji tagħhom fi Stat Membru ieħor, irid jiżgura li r-regoli ddettaljati tat-tqassim ta' dawk l-għotjiet ma joħolqux restrizzjoni mhux ġustifikata fuq il-libertà taċ-ċaqliq. Is-sentenza ma timponix fuq Stat Membru l-obbligu li jintroduċi għotjiet li jippermettu lill-istudent(a) li jsegwi/ssegwi l-istudji tiegħu/tagħha fi Stat Membru ieħor. Din id-deċiżjoni taqa' kompletament fi ħdan il-kompetenza nazzjonali minħabba li hija parti mill-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva li huma kompletament responsabbli għaliha l-Istati Membri, skond l-Artikolu 149 tat-Trattat tal-KE. Għalhekk, b'konformità ma' l-Artikolu 149 tat-Trattat tal-KE u l-ġurisprudenza relevanti tal-QEĠ, hija kwistjoni kompletament ta' l-Istat Membru kkonċernat, f'dan il-każ Malta, biex jiddeċiedi jekk jintroduċix jew le għotjiet trasferibbli għall-istudenti Maltin li jixtiequ jsegwu l-istudji tagħhom fi Stat Membru ieħor. Minkejja dan, jekk Malta tiddeċiedi li ddaħħal sistema bħal din, trid tiżgura li r-regoli dettaljati għat-tqassim ta' l-għotjiet ma joħolqux restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-libertà taċ-ċaqliq.

OJ (MT) C 191, 29/07/2008
Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Jannar 2008Avviż legali