• EN - English
  • MT - Malti
Mistoqsija Parlamentari - E-5910/2007(ASW)Mistoqsija Parlamentari
E-5910/2007(ASW)

Tweġiba mogħtija mis-Sur Špidla f’isem il-Kummissjoni

Wara l-Ittra ta’ Avviż Formali lil Malta mill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tal-Klawżola 5 tal-ftehima ta’ qafas annessa mad-Direttiva 1999/70/KE[1] tat-28 ta’ Ġunju 1999 rigward il-ftehima ta’ qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss konkluża mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC), mill-Unjoni tal-Federazzjoni Industrijali u ta’ Min Iħaddem (UNICE) u miċ-Ċentru Ewropew ta’ l-Intrapriżi bil-Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ l-Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP), l-awtoritajiet Maltin kitbu lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ġunju 2007 biex jinnotifikaw li l-leġiżlazzjoni kellha tidħol fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007.

Il-Kummissjoni eżaminat id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni ġdida (AL/51 ta’ l-2007) u tista’ tikkonferma li l-proċedura ta' ksur 2005/4399 rigward l-implimentazzjoni fir-Repubblika ta’ Malta tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE m'hix magħluqa billi għad baqa’ kwistjonijiet pendenti.

Saru aktar kuntatti u l-Kummissjoni, f’ittra bid-data tat-8 ta’ Jannar 2008, irċeviet aktar kjarifiki dwar il-kwistjonijiet pendenti mill-awtoritajiet Maltin.

Fid-dawl tal-kjarifika l-aktar riċenti mill-awtoritajiet Maltin, il-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjonijiet fiż-żmien propizju dwar kif se tipproċiedi dwar il-materja.

ĠU C 191, 29/07/2008