• EN - English
  • MT - Malti
Mistoqsija Parlamentari - E-3948/2008(ASW)Mistoqsija Parlamentari
E-3948/2008(ASW)

Risposta mogħtija mis-Sur Barrot f’isem il-Kummissjoni

Skont l-acquis ta' Schengen, terz miċ-ċittadini li jivvjaġġaw fiż-żona Schengen jinħtieġ li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stipulati f'Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament u l-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi tal-Komunità dwar ir-regoli li jirregolaw iċ-ċaqliq tal-persuni bejn il-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[1]. Waħda mill-kundizzjonjiet tad-dħul hija li jkollok fil-pussess tiegħek dokument validu tas-safar u viża valida, f'każ li jkun hemm bżonnha skont Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001[2], b'eċċezzjoni ta' meta persuna jkollha permess ta' residenza validu maħruġ minn Stat Membru ta' Schengen.

Skont Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri[3], iċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt li jitilqu mit-territorju ta' Stat Membru sabiex jivvjaġġaw għal Stat Membru ieħor permezz ta' karta tal-identità jew passaport, it-tnejn maħruġa mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom. L-istess japplika għall-membri tal-familja ta' terzi li jinħtieġ li jkollhom passaport validu u viża tad-dħul valida, jekk rikjesti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001.

Madanakollu, kif jistipula Artikolu 5(4), fejn ċittadin tal-UE, jew membru tal-familja tiegħu li mhuwiex ċittadin ta' Stat Membru, ma jkollux id-dokumenti tal-ivvjaġġar neċessarji jew, jekk rikjest, il-viża neċessarja, meta jippreżenta ruħu fuq il-fruntiera tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu, qabel jibgħathom lura, jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli sabiex jottjenu d-dokumenti neċessarji jew sabiex jinġibulhom fi żmien raġonevoli jew sabiex jikkonfermaw jew jippruvaw b'xi mezz ieħor li huma koperti bid-dritt taċ-ċaqliq ħieles (i.e. iċ-ċittadini tal-UE jridu jistabbilixxu l-identità u n-nazzjonalità u, il-familjari tagħhom li ġejjin minn pajjiż terz, l-identità u r-rabta familjari maċ-ċittadin tal-UE. L-istess japplika jekk ċittadin tal-UE jew membru tal-familja tiegħu/tagħha jiġi mwaqqaf għal xi kontroll tal-pulizija fit-territorju ta' Stat Membru tal-Unjoni.

Il-benefiċjarji tad-dritt taċ-ċaqliq u r-residenza ħielsa jistgħu jużaw karti ta' identità jew passaporti skaduti jew liċenzja tas-sewqan valida sabiex tgħin sabiex jiġi verifikat li huma koperti mid-dritt taċ-ċaqliq ħieles iżda dawk id-dokumenti mhumiex dokumenti tal-ivvjaġġar validi u bħala prinċipju, waħidhom, mhux suppost ikunu biżżejjed sabiex inekwivokalment jistabbilixxu l-identità tagħhom, in-nazzjonalità tagħhom jew ir-rabta familjari tagħhom ma' xi ċittadin tal-UE.

Għandu jiġi nnutat illi minħabba li l-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva huwa limitat għaċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom minn pajjiżi terzi, il-flessibilità hawn fuq deskritta ma tapplikax għal ċittadini oħrajn ġejjin minn pajjiżi terzi.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għal xi penalitajiet li xi Stat Membru jista' jimponi fuq xi persuna li ma jkollhiex fil-pussess tagħha karti jew dokumenti li l-liġi nazzjonali teżiġi.

Il-linji tal-ajru u l-operaturi tat-tragetti għandhom dritt li jagħmlu verifiki ta' l-identità tal-passiġġieri kollha bbażati fuq dokumenti validi tal-ivvjaġġar u fuq kull titjira u vjaġġ bit-tragett, u dan allura jinkludi wkoll titjiriet u vjaġġi bit-tragett fi ħdan Schengen, f'qafas kummerċjali għal raġunijiet ta' sigurtà jew identifikazzjoni. Ir-rifjut ta' karta ta' identità skaduta jew liċenzja tas-sewqan valida minn xi ħadd mill-impjegati tagħhom ma jkunx qed imur kontra d-dritt Komunitarju.

Minkejja dawn ir-regoli Komunitarji hawn fuq imsemmija, xi Stati Membri huma marbuta bil-Ftehim Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar ir-Regolamenti li jirregolaw iċ-ċaqliq tal-persuni bejn Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, li jobbligahom illi jagħtu dritt ta' aċċess liċ-ċittadini Awstrijaċi, Belġjani, Franċiżi, Ġermaniżi, Lussemburgiżi, Portugiżi u Spanjoli li jkunu qegħdin jivvjaġġaw b'passaport skadut.