Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

  • bg - български
  • es - español
  • cs - čeština
  • da - dansk
  • de - Deutsch
  • et - eesti keel
  • el - ελληνικά
  • en - English
  • fr - français
  • ga - Gaeilge
  • hr - hrvatski
  • it - italiano
  • lv - latviešu valoda
  • lt - lietuvių kalba
  • hu - magyar
  • mt - Malti (magħżula)
  • nl - Nederlands
  • pl - polski
  • pt - português
  • ro - română
  • sk - slovenčina
  • sl - slovenščina
  • fi - suomi
  • sv - svenska
Mistoqsijiet parlamentari
10 ta' Settembru 2008
E-3950/2008
Risposta mogħtija mis-Sur Barrot f'isem il-Kummissjoni

L-Artikolu 18 tat-Trattat tal-KE jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jivvjaġġa u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Trattat u l-miżuri adottati sabiex ipoġġuh fis-seħħ. Il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet rispettivi jinsabu fid-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċirkolaw u jgħixu bla xkiel fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri(1).

Skont l-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-Direttiva, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jħallu l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor u jidħlu f'dak l-Istat Membru b'karta tal-identità jew passaport validu. Kif inhu kkonfermat mill-każistika(2) tal-Qorti, anki tifel jew tifla ta' età żgħira jistgħu jieħdu vantaġġ mid-drittijiet taċ-ċirkolazzjoni libera u r-residenza garantiti mid-dritt Komunitarju. Il-kapaċità ta' ċittadin tal-UE li jkun id-detentur tad-drittijiet garantiti mid-dritt Komunitarju ma tistax tkun suġġetta għall-ilħuq mill-persuna kkonċernata tal-età prevista għall-kisba tal-kapaċità legali biex teżerċita dawk id-drittijiet personalment.

Ir-regoli ta' hawn fuq dwar il-qsim tal-fruntieri huma bla ħsara għal trattament aktar favorevoli taħt ir-regoli Schengen li neħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri fil-każ ta' fruntieri interni komuni. It-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri tfisser li l-passaporti jew il-karti tal-identità m'għadhomx iridu jintwerew meta wieħed ikun qed jaqsam il-fruntieri bejn l-Istati Membri ta' Schengen iżda li ċ-ċittadini tal-UE għandu dejjem ikollhom magħhom il-passaport jew il-karta tal-identità tagħhom peress li d-dritt ta' dħul u residenza tagħhom huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta' dawn id-dokumenti.

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen(3) jobbliga lill-gwardjani tal-fruntieri jagħtu attenzjoni partikolari fil-każ ta' minorenni li jkunu qed jaqsmu l-fruntiera esterna, kemm jekk ikunu qed jivvjaġġaw akkumpanjati u kemm jekk le. Il-minorenni għandhom ikunu suġġetti għal verifika addizzjonali tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u dokumenti addizzjonali biex jiġi żgurat li jkunu qed jivvjaġġaw bl-awtorizzazzjoni tal-ġenituri tagħhom jew tal-persuni kollha li jkollhom it-tutela legali tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-awtorizzazzjoni tal-ġenituri(4) bħala kundizzjoni għall-ħruġ ta' minorenni minn Stat Membru tista' tkun iġġustifikata mill-interess leġittimu li huwa dak tal-ħarsien tal-minorenni. Ta' min jinnota f'dan ir-rigward li l-Artikolu 35 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tobbliga lill-Istati li jagħmlu Parti minnha jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprevjenu l-ħtif, il-bejgħ jew it-traffikar tat-tfal għal kwalunkwe skop jew fi kwalunkwe żmien.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-regoli Maltin dwar l-ivvjaġġar ta' minorenni mhux akkumpanjati jaslu għal bilanċ xieraq bejn, minn naħa, id-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament, u min-naħa l-oħra, id-dritt tat-tfal li jkunu mħarsa mill-ħtif, il-bejgħ jew it-traffikar.

(1)Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, ĠU L 158, 30.4.2004.
(2)Sentenza tal-Qorti tad-19 ta' Ottubru 2004 fil-kawża C-200/02 Zhu u Chen (Ġabra 2004, p. I-9925).
(3)Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), ĠU L 105 tat-13 ta' April 2006.
(4)Il-linji tal-ajru ta' spiss jeħtieġu dokument bħal dan.

OJ (MT) C 999, 01/01/2009
Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Settembru 2008Avviż legali