Go back to the Europarl portal

Choisissez la langue de votre document :

  • bg - български
  • es - español
  • cs - čeština
  • da - dansk
  • de - Deutsch
  • et - eesti keel
  • el - ελληνικά
  • en - English
  • fr - français
  • ga - Gaeilge
  • hr - hrvatski
  • it - italiano
  • lv - latviešu valoda
  • lt - lietuvių kalba
  • hu - magyar
  • mt - Malti (magħżula)
  • nl - Nederlands
  • pl - polski
  • pt - português
  • ro - română
  • sk - slovenčina
  • sl - slovenščina
  • fi - suomi
  • sv - svenska
Mistoqsijiet parlamentari
22 ta' Diċembru 2008
E-5323/2008
Tweġiba mogħtija mis-Sinjura Reding f'isem il-Kummissjoni

Il-mistoqsija tal-Onorevoli Membru tirrigwarda ż-żmien li fih l-abbonati bi ħlas bil-quddiem f’Malta jeħtiġilhom jużaw il-kreditu. Il-kwistjoni ta’ skadenzi għat-top-up tal-mowbajl diġà kienet ittrattata fit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsija bil-miktub E-0182/07(1). Din il-kwistjoni hija ta’ rilevanza partikolari fid-dawl tal-proporzjon għoli ta’ abbonati tal-mowbajl bi ħlas bil-quddiem f’Malta (91% fl-2007), l-ogħla perċentwal fl-Unjoni Ewropea(2).

Din il-kwistjoni partikolari ma ġietx indirizzata fid-Direttivi li jikkostitwixxu l-qafas regolatorju tal-UE għall-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni. Hija kwistjoni kuntrattwali bejn l-operatur u l-abbonat, irregolata mis-suq stess skont il-karatteristiċi speċifiċi u l-ħtiġijiet tal-konsumatur fis-swieq nazzjonali differenti.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi Universali(3) madankollu tipprovdi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iġibu ’l quddiem l-interessi tal-utenti aħħarin, billi jiżguraw li jkun disponibbli tagħrif trasparenti u aġġornat dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet għall-użu tal-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni. Il-kwistjoni tat-trasparenza dwar it-tariffi u l-kundizzjonijiet qed tiġi indirizzata wkoll mill-analiżi li tinsab għaddejja ta' dan il-qafas regolatorju, bil-għan li ssaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur.

In-nuqqas li l-konsumatur jiġi pprovdut b’tagħrif ċar, adegwat u sħiħ dwar il-prezzijiet u elementi importanti oħra tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (bħal-limitazzjoni tal-użu fiż-żmien/dati ta’ skadenza tas-servizz) min-naħa ta’ fornitur tat-telekomunikazzjoni wkoll huma koperti bid-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali(4), u jistgħu jitqiesu bħala prattiki qarrieqa. Skont id-Direttiva, l-operaturi/il-bejjiegħa bl-imnut jeħtiġilhom jipprovdu lill-konsumatur kull tagħrif materjali, inklużi l-prezzijiet u d-dati ta’ skadenza, li jkun jeħtieġ biex jagħmel għażliet u deċiżjonijiet ta’ xiri infurmati. L-awtoritajiet kompetenti u l-qrati nazzjonali jistgħu jiddeċiedu każ b’każ dwar prattiki kummerċjali ta’ dan it-tip. Malta ttrasponiet id-Direttiva f’Jannar 2008.

Barra minn hekk, id-drittijiet tal-konsumaturi f’dak li jirrigwarda l-kuntratti standard mal-konsumatur huma mħarsa bid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur(5), li tipprevjeni żbilanċ sinifikanti bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi min-naħa l-waħda, u dawk tal-azjendi min-naħa l-oħra. Dan ir-rekwiżit ġenerali huwa ssupplimentat minn lista ta’ termini li jistgħu jitqiesu bħala żleali u kkunsidrati. Termini li Qorti, tribunal, jew korp amministrattiv nazzjonali jiddeċiedu li jkunu żleali skont id-Direttiva ma jkunux vinkolanti fuq il-konsumaturi.

Il-kompetenza għall-infurzar tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi msemmija hawn fuq hija prinċipalment f’idejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’dan il-każ l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, jew tal-entitajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur, li jistgħu jkunu jixtiequ jinvestigaw din il-kwistjoni u jieħdu kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont il-liġijiet nazzjonali.

(1)http://www.europarl.europa.eu/QP-WEB/home.jsp.
(2)Sors: It-13-il Rapport dwar l-Implimentazzjoni, Marzu 2008.
(3)Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi; ĠU L 108, 24.4.2002.
(4)Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 149, 11.06.2005.
(5)ĠU L 95, 21.4.1993.

OJ (MT) C 316, 23/12/2009
Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Diċembru 2008Avviż legali