Artiklu
 

Kif jivvutaw l-MPE ?

Regolamenti ta' Pro¿edura tal-Parlament - 18-08-2009 - 15:59
Aqsam ma' ħaddieħor
Skond is-swaba: L-MPE jivvutaw favur jew kontra

Skond is-swaba: L-MPE jivvutaw favur jew kontra

Mijiet ta’ idejn jitilgħu, u mbagħad jerġgħu jinżlu. Is-swaba’ jagħfsu u mbagħad jitilqu l-buttuni. Xi swaba’ l-kbar ta’ l-idejn iduru ‘l fuq waqt li oħrajn iduru l-isfel. Hekk jivvutaw l-MPE – din hija tassew lingwa bis-sinjali. U hawnhekk ser naraw xi jfisser dan kollu.

Jekk nemmnu l-istatistiċi, fil-leġislatura li għaddiet (2004-2009), il-MPE ivvutaw aktar minn 25,467 darba. Il-votazzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew issir l-aktar permezz ta’ turija ta’ l-idejn. Il-president tas-sessjoni jagħti daqqa t’għajn lejn l-idejn mgħollija u jiġġudika liema naħa għandha l-maġġoranza, mingħajr ma jgħodd in-numru eżatt ta’ voti favur u kontra. Meta tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi (maġġoranza tal-membri preżenti) din tkun ġeneralment veloċi u sempliċi. Iżda xi kultant il-vot ikun viċin ħafna u d-deċiżjoni tal-president tista’ tiġi kkontestata mill-MPE li jgħollu idejhom u jgħajtu “check, check!” (“iċċekkja, iċċekkja!"). Jekk il-President jiddeċiedi li l-vot dubjuż, hu jista’ jiddeċiedi li jżomm il-vot mill-ġdid permezz tas-sistema elettronika u fil-każ li din ma tkunx qed taħdem, il-vot jista' jintwera billi l-Membri jpoġġu u joqogħdu bil-wieqfa. F’dan il-każ, l-MPE ma jgħollux idejhom, iżda minnflok jagħfsu buttuna (favur, kontra, jew jastjenu) fil-kaxxa speċjali fuq l-iskrivanija tagħhom. Kull MPE jrid jidentifika ruħu billi jdaħħal kard elettronika fil-kaxxa.
 
Min ivvota favur u min ivvota kontra?
 
Meta jittieħed vot elettroniku, iċ-ċifri eżatti tal-votazzjoni jintwerew fuq skrins fil-kamra. Din is-sistema hija utli għal voti li huma kontestati u għal votazzjoni ta’ maġġoranza assoluta (nofs in-numru totali ta’ voti u wieħed). Hija indispensabbli għal votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata (maġġoranza speċifika, per eżempju, żewġ terzi tal-voti). It-tip ta’ maġġoranza jiddependi fuq it-tip ta’ deċiżjoni u s-suġġett tal-vot. Anki bil-votazzjoni elettronika, l-anonimità tinżamm u m’huwiex possibbli li wieħed ikun jaf kif ivvota kull MPE. Il-vot ta’ kull MPE jiġi rreġistrat biss fil-minuti meta ssir votazzjoni ‘roll-call’. Dan it-terminu jmur lura għaż-żmien meta l-president kien isejjaħ lil kull deputat b’ismu biex jagħti l-vot tiegħu. Il-president kien jgħid “Mr Smith” u Mr Smith kien iqum u jgħid “yeah” (iva) jew “nay” (le). Il-"roll" jintuża billi l-Membri jissejħu skond l-ordni alfabetika, li tibda billi isem membru wieħed jittella' bil-polza u jistpiċċa meta l-President jissejjaħ għaliex hu jivvota l-aħħar.Tista’ timmaġina kemm tieħu ħin din is-sistema ta’ votazzjoni b’736 MPE. Il-votazzjoni elettronika tippermettilna li nevitaw sessjonijiet li ma jintemmu qatt.
 
L-MPE jistgħu jivvutaw ukoll permezz ta’ vot sigriet, billi jpoġġu l-karta tal-vot tagħhom f’kaxxa tal-voti. Fil-prinċipju, dan it-tip ta’ vot huwa ristrett għan-nominazzjonijiet. Iżda l-votazzjonijiet kollha jistgħu jsiru b’mod sigriet jekk dan jintalab minn wieħed minn kull ħames MPE. L-għadd tal-voti jsir minn żewġ sa sitt tellers magħżula bix-xorti minn fost l-MPE.
 
L-MPE kif ilaħħqu ma dan kollu?
 
Sa minn Lulju ta’ l-2004, aktar minn 52,557 dokument tressqu quddiem l-MPE. M’huwiex possibbli li wieħed ikun espert f’kollox, u huwa għalhekk illi l-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament (l-MPE jinġabru fi gruppi skond l-affiljazzjoni politika tagħhom u mhux skond in-nazzjonalità) għandhom koordinaturi għal oqsma speċifiċi (suq intern, industrija, agrikoltura, eċċ.). Huma jinnominaw ukoll “relaturi” li jabbozzaw rapporti dwar kull dossier importanti. Il-koordinaturi u r-relaturi jużaw l-għarfien tagħhom tas-suġġetti biex iħejju lista ta’ votazzjoni għall-membri tal-partit tagħhom, fejn huma jindikaw b’liema mod għandhom jivvutaw skond il-politika tal-partit. Matul is-seduta plenarja, wieħed jista’ jarahom idawwru subajhom il-kbir ‘il fuq jew l’isfel għad-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li dwarhom ikun qed jittieħed vot. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, huwa f’idejn kull membru biex jiddeċiedi jekk għandux isegwi s-suġġeriment tal-grupp.
 
Ref.: 20060628STO09319