Stqarrija
 

Projbizzjoni tal-bejgħ ta' tagħmir tal-kejl ġdid li jkun fih il-merkurju

Ambjent - 10-07-2007 - 12:49
Seduta plenarja
Aqsam ma' ħaddieħor

Il-Parlament approva projbizzjoni fuq il-bejgħ ġenerali lill-pubbliku ta' termometri tal-merkurju mhux elettroniċi u tagħmir ieħor li jkun fih il-merkurju, fit-tieni qari tal-proċedura ta' kodeċiżjoni. Ir-rapport adottat, japprova l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill mingħajr emendi - dan ifisser li l-Parlament aċċetta l-proposta tal-Kunsill biex id-deroga proposta għall-manifatturi tal-barometri tkun ta' sentejn, u li d-direttiva ser tkun tista' tidħol fis-seħħ mingħajr tibdil ieħor.

Din id-direttiva dwar it-tagħmir ta' kejl li jkun fihom il-merkurju għandha tkun inkorporata fil-liġi nazzjonali mhux iktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ u għandha tibda tapplika mhux iktar tard minn tmintax-il xhar wara. Fil-każ tal-barometri tradizzjonali, għandha tibda tapplika mhux iktar tard minn sentejn wara id-dħul fis-seħħ.
 
Fl-ewwel qari tal-proċedura, il-Parlament kien talab li din id-deroga ma jkollhiex skadenza. Fil-fatt, id-differenza ewlenija bejn il-pożizzjoni tal-Parlament u l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill kienet tirrigwarda l-fatt li l-Parlament ried deroga sħiħa dwar l-użu tal-merkurju fil-barometri, waqt li l-Kunsill ippropona deroga għal żmien limitat ta' sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva.
 
Kif spjegat ir-rapporteur María SORNOSA MARTÍNEZ (PES, ES) peress li l-barometri tradizzjonali fihom kwantita' ferm ikbar ta' merkurju milli per eżempju t-termometri tad-deni, il-proposta tal-Kunsill li tingħata deroga temporanja ta' sentejn sabiex il-manifatturi tal-barometri tradizzjonali jkollhom ċans jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, "hija kompromess bilanċjat."
 
L-istrumenti li għandhom ikunu pprojbiti jinkludu t-termometri tad-deni u tagħmir li huwa maħsub għall-bejgħ lill-pubbliku ġenerali bħal manometri, barometri, kif ukoll l-apparat użat għall-kejl tal-pressjoni tad-demm. Din il-projbizzjoni għandha tkun tapplika biss għall-bejgħ ta' tagħmir ġdid, filwaqt li tagħmir li diġa' qiegħed jintuża xorta jista' jinbiegħ second-hand, jitranġa u jinżamm.
 
Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill kienet tinkludi ħafna mill-emendi tal-Parlament fuq il-proposta tal-Kummissjoni, li kienu adottati fl-ewwel qari tal-proċedura, inkluża talba li tiġi eżentata l-importazzjoni ta' tagħmir tal-kejl bil-merkurju li jkollu aktar minn ħamsin sena peress li dawn jistgħu jiġu kklasifikati bħala antikitajiet jew beni kulturali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser ikollha tagħmel evalwazzjoni ta' alternattivi iktar sikuri għat-tagħmir li jkun fih il-merkurju wżat għall-kejl tal-pressjoni tad-demm u apparat ieħor użat fil-kura tas-saħħa jew f'oqsma professjonali u industrijali oħra.
 
Il-merkurju u l-komponenti tiegħu huma tossiċi ħafna għall-bnedmin, għall-ekosistemi u l-annimali salvaġġi. Madwar 80%-90% tal-merkurju wżat fl-apparat ta’ kejl u ta’ kontroll huwa użat fit-termometri mediċinali (għall-kejl tad-deni) u t-termometri l-oħra użati fid-dar. Għalkemm l-użu tal-merkurju qiegħed jonqos, xorta huwa stmat li kull sena fl-UE tintuża 33 tunnellata ta’ merkurju għall-mezzi ta’ kontroll u ta’ kejl.
 
Il-merkurju jista’ jinbidel f’metilmerkurju, li hija l-forma tiegħu l-aktar tossika. Il-metilmerkurju jinġabar u jikkonċentra fil-katina ta’ l-ikel tal-baħar. Popolazzjonijiet li jikkunsmaw ħafna ħut u frott tal-baħar (speċjalment fiż-żoni kostali tal-Mediterran) huma vulnerabbli b'mod partikolari. Espożizzjoni diretta għall-merkurju permezz tal-ġbid tan-nifs tal-fwar jew assorbiment mill-ġilda wkoll huma riskjużi għas-saħħa.
 
09/07/2007
Rapporteur : María SORNOSA MARTÍNEZ (PSE, ES)
Proċedura: Kodeċiżjoni
Dibattitu: 9.07.07
Ref.: 20070706IPR08897